“Id-dentisti f’Mater Dei mitluba jieqfu jaraw lill-pazjenti”

Il-UĦM Voice of the Workers talbet lid-dentisti fid-Dipartiment tad-Dentistrija fl-Isptar Mater Dei sabiex jekk pazjent ma jkollux każ ta’ emerġenza ma jaqduhx.

Fi stqarrija l-UĦM Voice of the Workers qalet li d-Dipartiment tas-Saħħa mhux qed jinvesti f’dan id-dipartiment tant li hemm nuqqas ta’ kundizzjonijiet komparabbli mas-suq, u “tkaxkir tas-saqajn biex joħorġu sejħiet għal dentisti ġodda u promozzjonijiet”.

Id-dentisti ġew mitluba biex jaraw biss każijiet ta’ emerġenza – bħal nefħiet, dmija u trawma fis-snien u l-ħanek. L-azzjonijiet jibqgħu fis-seħħ sakemm l-unjin tirċievi kontro-proposti adekwati.

Fi stqarrija, l-UĦM Voice of the Workers spjegat li fl-aħħar tmien snin bagħtet bosta proposti lill-Gvern sabiex jiġi offrut pakkett aħjar għad-Dentisti, filwaqt li ssuġġeriet tibdil f’ċertu strutturi li jistgħu jkopru servizzi aħjar lill-pubbliku.

Fl-istqarrija spjegaw li fil-bidu ta’ Lulju, il-Ministeru għas-Saħħa sejjaħ għal laqgħa mal-UĦM Voice of the Workers fejn ġiet spjegata l-viżjonu tal-unjin. Qalet li talbu għal serje ta’ laqgħat sabiex jiġi konkluż ftehim. Sostniet li l-amministrazzjoni talbet għal sitt ġimgħat biex ikunu jistgħu jaħdmu fuq kontro proposti mlaħħmin bie xjibdew in-negozjati uffiċjali.

Il-UĦM Voice of the Workers spjegat li wara żmien tistenna, il-laqgħa li kellha ġiet posposta għal ġimgħatejn. Wara li għaddew dawn il-ġimgħatejn saret laqgħa lejliet Santa Marija irriżulta li l-kontro-proposti kienu għadhom mhux lesti. Għal din ir-raġuni l-UĦM Voice of the Workers iddeċidiet li tibda azzjonijiet industrijali fid-Dipartiment.