“Id-demokrazija ma tistax tkun vittma tal-pandemija” – Delia

Il-Kap tal-PN Adrian Delia qal li d-demokrazija ma tistax tkun vittma tal-pandemija.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal dan waqt summit tal-mexxejja tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) il-Ħamis filgħodu. Is-summit, li ddiskuta l-impatt tal-imxija tal-COVID-19, iddiskuta wkoll it-talba ta’ Delia biex l-Unjoni Ewropea tagħti prijorità lil isfida tal-immigrazzjoni rregolari. Is-summit sar online.

Delia akkuża dak li ddeskriva bħala aġir perikoluż minn Gvernijiet Ewropej li bl-iskuża tal-kriżi tal-COVID-19 qed jaħtfu f’idejnhom l-istituzzjonijiet u jgħaddu romblu minn fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tagħhom.

‘Malta ma tistax titħalla waħedha’

Delia tkellem dwar il-kriżi immigrazzjoni fil-Mediterran. Qal li Malta ma tistax titħalla waħedha peress li hi taħt pressjoni kbira biċ-ċentri ta’ detenzjoni ffullati.

Waqt is-summit Delia semma li l-PN ressaq numru ta’ proposti lill-Gvern Malti fid-dawl tal-pandemija.

Saħaq li l-UE ma tistax’ tibqa’ ċassa quddiem din it-theddida.

Delia tkellem dwar l-istadju li se jiġi wara l-COVID-19. Enfasizza erba’ punti prinċipali: is-solidarjetà, is-sostenibbilità, is-sovranità, u s-soppravivenza.

Fi stqarrija l-PN qal li l-mexxejja tal-UE esprimew tħassib dwar kemm se ddum il-pandemija, dwar il-possibbiltà li jkun hemm it-tieni stadju tal-imxija fix-xhur tax-xitwa u l-effett li dan se jkollu fuq l-ekonomiji tal-istati membri. Kien hemm qbil li tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-imxija b’aktar kordinazzjoni u solidarjetà bejn l-istati membri.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn