Id-demokrazija f’Malta mhedda b’kultura ta’ impunità – Delia

Il-Partit Nazzjonalista qal li wara li ġie approvat r-rapport tal-Kunsill tal-Ewropa dwar is-sitwazzjoni tas-saltna tad-dritt f’Malta, dan juri kundanna għall-Gvern Malti dwar kif qed titmexxa id-demokrazija f’Malta li tinsab mhedda b’kultura ta’ impunità.

Adrian Delia fi sqarrija qal li dan ir-rapport isegwi numru ta’ rapporti oħra fosthom tal-Kummissjoni Venezja, tal-Moneyval, tal-GRECO, tal-Kummissjoni Ewropea u tat-Transperancy International. Żied li l-Gvern Malti qed ikompli jinjora l-konklużjonijiet li għamlu dawn ir-rapporti.

Delia semma li l-Kunsill tal-Ewropa jikkonkludi li l-proposta tal-Gvern li jaqsam l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali tonqos milli tilħaq dak li qalet il-Kummissjoni Venezja. Dwar iċ-cheks and balances Delia qal li meta dawn tneħħew f’Malta d-demokrazija m’għadhiex tiffunzjona. Huwa għamel referenza għal diversi rapporti oħra fejn qal li mill-konkluzzjonijiet li għamlu jidher li l-istituzzjonijiet governattivi, s-sistema ġudizzjarja u l-entitajiet tal-infurzar mhumiex konformi mal-istandards Ewropej tas-saltna tad-dritt.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista għamel referenza għall-karigi taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru u tal-Ministru Konrad Mizzi fejn qal li dawn mhux biss qed jagħmlu ħsara lill-Gvern iżda lir-reputazzjoni ta’ Malta. Huwa rrefera wkoll għar-referenza li għamel ir-rapport tal-Kunsill tal-Ewropa fejn semma li għadu ma nqabadx il-moħħ wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Ikkonkluda li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti biex tissaħħaħ id-demokrazija u s-saltna tad-dritt f’Malta. Żied li l-Partit se jkun qed jaħdem sabiex Malta terġa’ tikseb ir-reputazzjoni tajba li kellha.

B’reazzjoni għall-istqarrija tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, il-Partit Laburista qal li r-rapport tal-Kunsill tal-Ewropa fih għadd ta’ żbalji dwar Malta u hemm bosta partijiet li huma inkorretti. Il-Partit Laburista żied li r-rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista flok ma qed jipprovaw jirranġaw dawn il-partijiet għandhom iżjed interess partiġġjan.