Id-demokrazija f’koma… let’s finish what we started – Busuttil

Aġġornat 09:29 PM

Il-kontribut ta’ Simon lejn il-Maltin ma spiċċax - Delia

Read in English.

L-eks Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil sellem lill-parlament Malti hekk kif ta r-riżenja tiegħu lill-ispeaker tal-kamra fit-tmiem is-seduta tat-Tlieta filgħaxija biex jieħu l-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-Partit Popolari Ewropew.

Busuttil ħa l-ħin tal-aġġornament biex jagħmel l-aħħar diskors tiegħu fil-parlament. Quddiem Strangers’ Gallery mimlija, Busuttil qal li jrid jiddedika dan l-aħħar diskors lill-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia hekk kif ħareġ ritratt tal-ġurnalista assasinata.

Hu qal li jkun ġest sabiħ li kieku l-parlament Malti jimxi fuq il-passi tal-parlament Ewropew u jonora “lil din il-martri” u jiddedika sala lil Daphne Caruana Galizia.

Busuttil qal li skont il-Prim Ministru Robert Abela, il-pajjiż reġa’ lura għan-normalità. “Il-Prim Ministru jaħseb li sempliċiment ifaqqa’ subgħajh u l-pajjiż jerġa’ lura għan-normalità. Id-demokrazija tinsab f’koma, qiegħed fuq life-support,” stqarr Busuttil.

“Il-Gvern Laburista għamel plejtu fuq il-konkos ta’ Mater Dei. L-Isptar għadu fuq saqajh iżda pajjiż farrkuh,” stqarr Busuttil.

Huwa qal li mix-xewk ħarġet warda li hija t-twaqqif tal-movimenti Occupy Justice u Repubblika. Busuttil appella biex ix-xemgħa li nxtegħlet u issa saret fjamma, tkompli bil-missjoni tagħha sal-aħħar. “Let’s finish what we started,” stqarr l-eks kap Nazzjonalista.

Busuttil wera serje ta’ ritratti ta’ avvenimenti li seħħew fil-parlament, fosthom: meta l-eks Ministru Konrad Mizzi qam minn fuq siġġu biex għajjat “Shame on you” b’referenza lejn l-istess Busuttil; meta qatta’ l-kuntratt ippubblikat tal-Isptarijiet li għaddew taħt idejn Vitals; meta l-Oppożizzjoni daħlet fil-parlament bit-tabelli jistqarru li huma m’għandhomx kumpanija sigrieta l-Panama; kif ukoll l-Oppożizzjoni rmiet karti foloz tal-€500 bi protesta għal dak li kien qed jiġri fil-kriżi politika tal-Gvern.

Busuttil qal li lilu sallbuh kemm fuq il-media tal-Partit Laburista u anki fuq il-media soċjali li saħansitra penġewh ġo tebut.

Hu rringrazzja lil diversi persuni li kienu miegħu tul il-ħames snin li dam kap tal-Oppożizzjoni kif ukoll f’din l-aħħar leġislatura. “Nirringrazzja lill-kollegi tiegħi fl-Oppożizzjoni, inkluż lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia għaliex fuq din in-naħa aħna fazzjoni waħda, fazzjoni kontra l-koruzzjoni,” stqarr Busuttil.

Hu temm id-diskors tiegħu bi kwotazzjoni ta’ Mahatma Gandhi. “First, they know you, then they laugh at you, then they attack you and then you win”, temm jgħid Busuttil.

Il-kontribut ta’ Simon lejn il-Maltin ma spiċċax – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-kontribut ta’ Simon Busuttil lejn il-Maltin u lejn Malta ma spiċċax għax telaq mill-Parlament Malti, imma se jibqa’ jkun ta’ kontribut għas-snin li ġejjin. 

Dan qalu waqt intervista mxandra live fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista NET TV, ftit wara li Simon Busuttil temm l-aħħar diskors tiegħu fil-Parlament Malti.

Delia saħaq li matul dawn l-aħħar seba’ snin, Busuttil iġġieled kontra l-korruzzjoni. Iżda huwa żied li din ma kinitx l-għażla tiegħu; “kienet deċiżjoni li bilfors kellu jieħu peress li l-Gvern ta’ dak iż-żmien għażel dik it-triq.”

Meta mistoqsi kemm hi prestiġjuża l-kariga l-ġdida ta’ Busuttil, il-Kap tal-Oppożizzjoni wieġeb li permezz ta’ dan l-irwol, “nistgħu nerġgħu nibnu mill-ġdid ir-reputazzjoni ta’ Malta fl-Ewropa”. Skont Delia, għalkemm il-Partit Nazzjonalista għandu inqas rappreżentanti mill-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew, il-fatt li dawn jifformaw parti minn grupp Ewropew jagħtihom iktar saħħa u iktar poter.

Li s-segretarju tal-Grupp Ewropew ikun Malti juri li l-vuċi Maltija qed tissaħħaħ, ikkonkluda Delia.