Terremot politiku fl-Istati Uniti

Id-Demokratiku Doug Jones rebaħ lil Roy Moore, kandidat Repubblikan li kien qed igawdi l-appoġġ tal-President Amerikan Donald Trump, fl-istat Repubblikan ta’ Alabama.
Ir-rebħa ta’ Jones qed titqies bħala terremot f’Washington, hekk kif f’25 sena huwa kien l-ewwel Demokratiku li rnexxielu jiġi elett fl-istat ta’ Alabama. Ir-rebħa tiegħu tfisser li naqqset il-maġġoranza Repubblikana fis-senat ta’ Capitol Hill u għalhekk se jkun iktar diffiċli għal Trump biex jgħaddi l-programm politiku tiegħu mis-Senat. Osservaturi politiċi jqisu din bħala telfa politika għal Trump.
Moore fuq in-naħa l-oħra qiegħed jaffaċċja diversi akkużi ta’ attakki u fastidji sesswali li ħarġu waqt il-kampanja. Huwa kien il-kandidat favorit li jirbaħ, iżda żewġ nisa ħarġu jgħidu fil-miftuħ li kien tahom fastidju sesswali meta kienu għadhom taħt l-età. Moore ċaħad ħafna minn dawn l-allegazzjonijiet, li ma waqqfux l-appoġġ ta' Trump lejh, permezz ta' tweets u dikjarazzjonijiet fil-pubbliku.
F’Alabama, il-qasma razzjali hi profonda. Skont l-exit poll Jones rebaħ 95% mill-vot Afrikan-Amerikan.