Id-dell fuq il-proġett tal-Grupp db

Jgħidu li l-proġett tal-Grupp db se jitfa dell kbir fuq Pembroke. Persuna li rat il-viżwal li għamlu l-konsulenti li qabbdu l-Grupp, qaltli li dan id-dell mhux se jkun kbir daqs kemm qed jgħidu dawk li qed jipprotestaw. Punt tekniku li dwaru jiddeċiedu t-tekniċi. Iżda waqt id-dibattitu li mexxejt fuq 103 Malta’s Heart, fejn kien hemm Arthur Gauci, Kap Eżekuttiv tal-Grupp, u Dr John Ebejer, espert fl-ippjanar, innutajt li l-Grupp db għandu risposti tekniċi aktar milli jgħidu l-kritiċi tiegħu. Fl-istess waqt innutajt li hemm mistoqsijiet inkwetanti, li għalihom it-tweġiba tad-db ma tipperswadix lil kulhadd, fosthom esperti.

Dan hu dibattitu li jsir quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar. Wieħed jittama li din id-darba ma jsirux il-bużullotti li saru l-aħħar darba, meta dan il-proġett kien ingħata approvazzjoni li wara tħassret mill-Qorti.

Id-dell li nirreferi għalih jien mhux id-dell li l-proġett jagħmel fuq Pembroke, iżda d-dell li hemm fuq il-proġett innifsu.

L-ewwel dell intefa’ kif għalqet l-applikazzjoni jew ir-Request for Proposals (RfP).  Kien il-Grupp db biss li applika biex jagħmel il-proġett. Kont staqsejt nies fl-industrija għala ġara hekk. Il-kelma kienet li kien hemm done deal. Il-Grupp db jiċħad dan bil-qawwa kollha. Huma jgħidu li kienu ilhom biex jagħmlu dan il-proġett.

Kienu ħmir jew lagħbuha ta’ ħmir?

Imbagħad hemm ir-rapport tal-Uffiċċju tal-Awditur (NAO). Dan ta clean bill of health lid-db dwar il-prezz li ħallas. Ħafna kkritikaw il-proġett għax sostnew li l-prezz imħallas kien prezz baxx. L-Awditur qal li tal-Grupp db ħallsu prezz ġust. Bir-raġun li d-db għamlu kjass b’din id-deċiżjoni favur tagħhom.

Jista’ jingħad li din id-deċiżjoni neħħiet kull dell?

Naraw il-fatti u x’wieġeb is-CEO tad-db waqt Newsbook Hour.

L-Awditur sab diversi nuqqasijiet kemm fil-proċess kif ukoll fil-mod kif mexa l-kumitat li kien qed jinnegozja f’isem il-Gvern.

  • L-Awditur semma li l-element ta’ bini residenzjali kien element importanti biex jirnexxi l-proġett. Wieħed jistenna li allura li fl-RfP dan kellu jingħata importanza biex iħajjar lill-investituri. Għall-kuntrarju, dan l-element kważi nħeba.
  • Projects Malta ma ġabitx l-awtorizzazzjoni tad-Dipartiment tal-Kuntratti qabel ħarġet l-RfP (Request for Proposals). Għall-NAO dan in-nuqqas jitfa’ dubji fuq kemm kien regolari l-proċess li sar u li ntrebaħ mill-Grupp db, li tellaq waħdu. Persuni fil-qasam legali li tkellimna magħhom qalulna li din il-ħaġa waħedha tagħmel il-proċess illegali.
  • L-Awditur kellu ‘major concerns’ fuq kif mexa n-Negotiation Committee tal-Gvern. Dan ifisser li min kien responsabbli biex jiddefendi d-drittijiet tagħna ċ-ċittadini ta’ dan il-pajjiż ma lagħabx tajjeb. Aktar ‘l isfel insaqsi l-għala ġara hekk.
  • L-Awditur ma sab l-ebda rekord ta’ kif saru n-negozjati. Din il-ħaġa telfet lill-Awditur milli jifhem sew kif saru n-negozjati, ħaġa li ma turix governanza tajba.
  • L-Awditur innota wkoll li d-Dipartiment tal-Propjetà tal-Gvern kien assenti mill-proċess minkejja li dan id-dipartiment kellu r-responsabbiltà li jiddisponi l-propjetà tal-Gvern. Il-kontroll kien kollu f’idejn Projects Malta li kienet taħt il-kontroll tan-notorju Konrad Mizzi.
  • Konrad Mizzi, dak iż-żmien ministru responsabbli mill-proġett qatt ma ltaqa’ mal-Uffiċċju tal-Awditur waqt li kien qed jagħmel l-investigazzjoni tiegħu. Daqqa skuża u daqqa oħra. Għall-Uffiċċju tal-Awditur dan il-fatt kien ta’ “grave concern”.
  • L-Uffiċċju tal-Awditur innota li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Uffiċċju tal-Ministru għat-Turiżmu (għal darb’oħra Konrad Mizzi) qagħdu jwaħħlu f’xulxin dwar min ħa d-deċiżjoni li tingħata l-art lid-db Group.

Għal dan kollu s-CEO tal-Grupp db jgħid li l-Grupp m’għandux jinżamm responsabbli jekk il-kumitat tal-Gvern kien ineffiċjenti jew ma kienx jaf jinnegozja.

Mal-ewwel daqqa ta’ għajn tista’ tgħid li għandu biċċa raġun. Iżda meta tirrifletti sew tinduna li m’għandux għax il-mistoqsijiet iqumu waħedhom:

Il-Kumitat tal-Gvern kien magħmul mill-ħmir jew kien kompost minn nies li għal xi raġuni jew oħra għażlu jew ingħataw struzzjoni li jilagħbuha ta’ ħmir?

Min fassal l-RfP,  min iddeċieda dwar ċertu proċess u min għażel lil min jieħu d-deċiżjonijiet, għamel hekk għax ma kienx jaf jagħmel aħjar jew għax hekk kien jaqbel għal raġuni li missha hija ovvja għal ħafna?

Iżda fadal aktar.

Saru ħafna bużullotti

Ġraw ħafna bużullotti fil-laqgħa li saret fl-eks Liċeo tal-Ħamrun u li fiha ġie approvat il-proġett. L-akbar bużullotta kixifha Newsbook.com.mt. Is-CEO tal-Awtorità tal-Ippjanar li llum huwa CEO tal-Awtorità għat-Turiżmu, ċertu Johann Buttigieg, kien ħallas minn flusna biex iġib Malta b’jet privat membru tal-Awtorità li naturalment ivvutat favur il-Grupp db. U hawn xi ħadd f’Malta li tant hu injorant li jemmen li dan Buttigieg għamel li għamel għax qalbu taħarqu għall-fairness u l-ġustizzja? Hawn xi ħadd f’Malta li tant hu injorant li ma jindunax mill-ewwel l-għala ġara dan?

Bużullotta oħra kienet li anke vvota għall-proġett min kellu kunflitt ta’ interess. Grazzi għall-NGOs li marru l-Qorti dan l-iżball wassal biex jitħassar il-permess.

Il-kampanja tal-pubbliċità li qed jagħmlu tal-Grupp db trid tipprova tneħħi d-dubji tan-nies mhux mid-dell li t-torri tagħhom se jitfa’ fuq Pembroke, iżda fuq id-dell li l-proċess kollu tefa’ fuq il-proġett. Il-kampanja ta’ pubbliċità trid tipprova tipperswadi lin-nies li hemm dell u ntiena kull fejn miss Konrad Mizzi – Vitals Global Healthcare, l-Electrogas u wind farms f’Montenegro – iżda fejn jidħlu huma m’hemmx dellijiet jew irwejjaħ. Dan sar aktar urġenti wara li issa anke l-Grupp Parlamentari Laburista u l-Eżekuttiv tal-Partit Laburista stenbħu għall-verità dwar Konrad Mizzi.