Id-dejn tal-Gvern fl-2017 kien ta’ €5,642.6 miljun

Id-dejn ġenerali tal-Gvern fl-2017 naqas b’€85.8 miljun meta mqabbel mal-2016. B’hekk sar jammonta €5,642.6 miljun, jew 50.8% tal-Prodott Gross Domestiku (GDP).
Skont ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), l-akbar sehem ta’ dan id-dejn huwa tal-korporazzjonijiet finanzjarji bi 62.1%. Id-dejn tal-Gvern fl-2014 kien ta’ €5,390 miljun.
Sigurtà tad-dejn, li jinkludi ishma tal-Gvern Malti u Fondi tat-Teżor, s’issa huwa l-aktar strument preferut biex ikun finanzjat id-dejn ġenerali tal-Gvern b’€5,154.0 miljun jew 91.3% tad-dejn totali fl-2017.
Kważi d-dejn kollu tas-settur tal-Gvern huwa fil-munita nazzjonali. L-ishma tad-dejn f’muniti barranin naqas u fl-2017 kien jammonta għal €0.1 miljun.
L-ispiża tad-dejn evidenti, li hija r-rata ta’ l-interess li tapplika għad-dejn nominali kollu kienet ta’ 3.6% fl-2017 meta mqabbla ma’ 4.3% fl-2014.