Id-dejn ta’ Malta żdied b’€1.6 biljun – PD

Fir-reazzjoni tiegħu għad-diskors tal-Prim Ministru dwar il-baġit, il-Partit Demokratiku qal li d-dejn ta’ Malta żdied b’€1.6 biljun mill-2013 sal-2018, bid-dejn ta’ din is-sena jammonta għal €6.6 biljun. Il-PD ikkummenta wkoll fuq il-paga tan-nisa li jaħdmu, il-pensjonanti, l-edukazzjoni u l-prezz tal-art tal-grupp DB f’Pembroke.

Fil-kitba tiegħu fuq Facebook, il-Partit Demokratiku kompla jgħid li dak li qata’ mid-dejn il-Gvern f’din is-sena, mhuwiex biżżejjed biex jitħallsu l-istess interessi li huma €306 miljun.

Skont il-PD, li kieku l-Gvern biegħ l-art f’Pembroke lill-grupp DB bil-prezz xieraq, dak ta’ €200 miljun minflok €15-il miljun, dak il-ġid seta’ jitqassam għand il-poplu Malti u Għawdxi, u jkun id-doppju tal-ġid li tqassam. Għall-istqarrija tal-Gvern li mhix se tintuża art ODZ għall-akkomodazzjoni soċjali, il-PD qal li l-Gvern seta’ xtara bini lest jew uża art tiegħu stess li mhix ODZ.

Dwar l-edukazzjoni, il-PD ikkummenta li minkejja li Malta hi l-iżjed pajjiż li jonfoq flus fuq edukazzjoni meta kkumparat ma’ pajjiżi oħra, Malta għandha l-ogħla rata ta’ nies li ma jkomplux l-iskola. Għalhekk, il-PD inkoraġixxa lill-Gvern biex iqis kif juża d-dħul fl-infiq tiegħu.

Il-PD qal lill-Gvern li inutli jiftaħar bis-surplus meta hawn familji li għadhom fir-riskju tal-faqar. Rigward il-pensjonanti, il-PD ikkummenta li l-ħajja għoliet iżjed miż-żieda li ngħatat lill-pensjonanti, u għalhekk dawn xorta waħda ma jistgħux ilaħħqu.

Il-PD qal ukoll li jeħtieġ li n-nisa jitħallsu iżjed għax mhuwiex sewwa li jitħallsu inqas mill-irġiel u jaħdmu d-doppju biex ilaħħqu max-xogħol tad-dar u t-trobbija tal-ulied.

“Kull ilma jaqta’ l-għatx iżda kieku kellna gvern bilgħaqal kien ikollna baġit ferm aħjar,” ikkonkluda l-Partit Demokratiku.

Reazzjoni tal-Partit Demokratiku għad-diskors risposta tal-Prim Ministru.Kull ilma jaqta’ l-għatx iżda kieku kellna…

Posted by Partit Demokratiku on Tuesday, October 30, 2018