“Id-dejn mażra ma’ saqajn il-PN” – Puli

Clyde Puli jikellem dwar l-isfidi li l-Partit Nazzjonalista ffaċċja matul is-snin

Read in English.

L-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli qal li l-miljuni ta’ dejn huma mażra mas-saqajn tal-partit, mażra li qed twaqqfu milli jimxi ‘l quddiem.

Waqt intervista fuq NET TV, Puli ddeskriva l-isfidi u l-problemi li hu ħass li misshom jiġu indirizzati fil-partit. Fost dawn spikkat l-isfida finanzjarja li l-partit għadda u għadu għaddej minnha. Għalkemm irrifjuta li jagħti ċ-ċifri eżatt, Puli semma li d-dejn huwa fil-miljuni, b’mijiet ta’ eluf f’interessi.

Waqt kriżi interna reċentament, Clyde Puli kien fost dawk li ppreżenta r-riżenja tiegħu. Zammit Dimech ġie appuntat bħala mexxej temporanju. Puli serva fil-kariga ta’ Segretarju Ġenerali għal sentejn u nofs. Waqt il-programm huwa tkellem dwar l-isfidi li l-partit iffaċċja u l-isfidi li ffaċċja personalment waqt li kien qed iservi l-irwol tiegħu.

Puli spjega li kienu diversi drabi fil-karriera tiegħu fejn sabu ruħhom iħallsu d-dejn tal-passat minflok jagħmlu “xi ħaġa għal quddiem”. Huwa qabbel il-finanzi tal-partit ma’ dawk tal-Gvern, li “qisu għandu bir bla qiegħ”, fejn qiegħed juża l-midja soċjali bħal Facebook u Instagram kif ukoll billboards u mezzi oħrajn biex iwassal il-messaġġi tiegħu.

“Hija sitwazzjoni diffiċli immens”, kompla jgħid. Insista wkoll li kieku ma kienx hemm dawk l-interessi ta’ dejn li sar fil-passat, kieku l-partit kien jagħmel profitt f’dawn is-sentejn u nofs fejn hu kien Segretarju Ġenerali.

Sfidi oħrajn – partit demoralizzat u bla għaqda

Skont l-eks Segretarju Ġenerali, il-Partit Nazzjonalista kien demoralizzat wara r-riżultat tal-elezzjoni ġenerali ta’ Ġunju 2017. Huwa qal li “kien hemm min twebbel li seta’ jirbaħ, jew li r-riżultat kien se jkun ftit eluf ‘l hemm jew ftit eluf ‘l hawn.”

Puli żied ukoll li għall-ewwel darba fil-partit, l-għażla għal mexxej ġdid saret mit-tesserati. Hu sostna li mhux kulħadd ġab ruħu kif suppost, u b’hekk intbagħtu messaġġi fil-pubbliku li baqgħu jaffetwaw lill-partit sal-lum. 

Għaliex irriżenja?

Meta mistoqsi dwar ir-riżenja tiegħu, Puli rrimarka li kien ilu jara ċertu ċirkostanzi u nuqqas ta’ rieda tajba minn ammont ta’ nies fil-partit. Żied li kien ilu xhur li tkellem mal-Kap tal-partit. Skont Puli, huwa offra li jagħti l-għajnuna tiegħu fejn hemm bżonn, anke wara li jkun irriżenja.

L-għaqda hija l-ikbar sfida tal-partit, saħaq Puli. Fakkar li meta kien semma din il-problema fl-2017, “kien hemm nies li ridikolawni”. Iktar tard, Puli ddeskriva li “sa fejn jaf hu”, il-valuri u twemmin tal-partit u tal-partitarji huma l-istess u komuni. Skontu, jekk kulħadd jaċċetta li jieħu s-sagrifiċċji neċessarji u jifhem l-għan komuni, huwa possibli li l-partit jimxi ‘l quddiem u jaħdem b’mod effiċjenti. 

X’se jiġri minn Clyde Puli?

Puli semma li se jkun qiegħed jikkontesta fis-sitt distrett, wara l-mandat tiegħu bħala Segretarju Ġenerali. Huwa temm billi jgħid li din se tkun l-enfasi ewlenija tiegħu.