Aġġornata: Id-dejn jiżdied b’€220 miljun f’sena – il-PN

Aġġornata bir-reazzjoni tal-Gvern:
Il-Gvern qal li ċ-ċifri tal-Eurostat jikkonfermaw preċiżament il-kontra ta’ li qed tgħid l-Oppożizzjoni, u allura tnaqqis fid-dejn.
Fakkar kif taħt amministrazzjonijiet differenti Nazzjonalisti, id-dejn tela’ għal €5 biljun, li nofsu sar fl-aħħar 10 snin.
Spjega wkoll li ċ-ċifri tal-UE jkopru biss sat-tielet kwart tas-sena u għalhekk ma jiħdux akkont tal-ftehim tal-Gvern ma’ Shanghai Electric, li permezz tiegħu se tgawdi mhux biss l-Enemalta imma anke l-finanzi tal-Gvern. 

Iktar kmieni:
Iċ-ċifri tal-Eurostat juru li d-dejn ta’ Malta żdied b’€220 miljun fit-tielet kwart tal-2014.
Hekk qal il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco fi stqarrija, waqt li sostna li ċ-ċifri ppubblikati mill-aġenzija tal-istatistika tal-UE jikkonfermaw li l-Gvern Laburista qed ikompli jgħabbi lill-ġenerazzjonijiet futuri tal-pajjiż b’miljuni akbar ta’ dejn.
Mario de Marco qal li waqt li l-Gvern ftaħar li bħala persentaġġ id-dejn naqas, ma qalx li l-ammont globali ta’ dejn żdied.
Il-PN tenna li t-tnaqqis f’termini perċentwali hu riżultat ta’ tkabbir ekonomiku li fil-parti l-kbira tiegħu ġej mill-Gvern innifsu li fl-aħħar 20 xahar impjega mal-4,500 persuna miegħu. Qal ukoll li f’reviżjoni riċenti, l-istatistika qed turi żieda fil-livell tal-Prodott Gross Domestika b’madwar 3%.
Mario de Marco staqsa f’liema proġetti jew servizzi għas-soċjetà qed imorru l-€220 miljun f’dejn waqt li tenna li l-PN jittama li l-Gvern jieħu bis-serjetà l-qagħda finanzjarja tal-pajjiż. Appella biex it-tnaqqis tad-dejn isir b’mod sostenibbli, mhux b’miżuri ta’ darba li ma jsolvux il-problema fit-tul.