Id-dehra ta’ Malta tieħu tisbita f’għajnejn l-investituri barranin, tgħid EY

Minn stħarriġ li għamlet il-kumpanija EY joħroġ li Malta naqqset l-attrattività tagħha fl-aspetti politiċi, legali u regulatorji bħala destinazzjoni għal investiment, minn 85% fl-2015 għal 78% din is-sena; tnaqqis ta’ 7%.
Anke għall-mistoqsija dwar jekk Malta tistax tirkupra d-dehra tagħha, kien hemm tnaqqis ta’ 4% fost dawk li qalu li dan jista' jseħħ. Nofs dawk li wieġbu qalu li ma hemm l-ebda vantaġġ għalihom li jinvestu f’Malta meta jqisu l-aspetti regolatorji u legislattivi.
Kienu wkoll 7% anqas dawk li jħossu li Malta qed jirnexxilha tlaħħaq ma' pajjiżi oħra fil-bidliet li qed isiru internazzjonalment.
Dan l-istħarriġ, magħruf bħala Attractiveness Survey, isir kull sena, u janalizza l-vantaġġi u x-xejriet futuri fl-investiment.
F’dan l-aspett, fl-2015 Malta kellha il-fiduċja ta’ 85% ta’ dawk li wieġbu, fl-2016 kellha 70% u fl-2017 kellha 58%.
Dan l-istħarriġ isir fost 147  investitur barrani li jimpjegaw mas-16,000 ruħ. Il-perjodu li fih sar l-istħarriġ kien bejn Marzu u Mejju ta’ din is-sena.
Ronald Attard, il-Managing Partner ta’ EY Malta, qal li l-pajjiż baqa' attraenti fil-qasam tat-tassazzjoni tal-kumpaniji.
Spjega li l-invstiment li Malta għamlet fis-snin li għaddew fit-telekomunkazzjoni issa qed iħallu l-frott.
Huwa wissa però li l-attrattività ta’ Malta fejn jidħlu l-politika u r-regolamentazzjoni, oqsma li fl-imgħoddi kienu l-aktar aspetti li jattiraw l-investiment barrani, naqsu.
Attard qal li tkun ħmerija jekk il-pajjiż jinjora dan is-sinjal.
Fost l-aspetti ta’ tħassib hemm in-nuqqas ta’ ħiliet addattati fost dawk li jfittxu x-xogħol, u kienu biss ftit anqas minn 40% dawk li wrew dan it-tħassib li qalu li kienu qed jimpjegaw Maltin.