Id-deheb u l-bronż għal żewġ żgħażagħ Maltin

Żewġ żgħażagħ Maltin, Richard Schultheis u Saul Vassallo, fil-jiem li għaddew rebħu midalja ta' deheb u oħra bronż rispettivament fil-kompetizzjoni ta' Jeux des Îles – COJI f'kompetizzjoni ta' tbaħħir.
Iż-żewġ żgħażagħ flimkien ma' żewġ żgħażagħ oħra, Nico Dreschner u Antonio Gasperini, se jkunu qed jirrappreżentaw lil Malta fil-kompetizzjonijiet dinjija (World Championships) li se jsiru f'Awwissu f'Ċipru.
Schultheis u Dreschner tgħallmu jbaħħru f'Malta, u għalkemm kunjomhom barrani huma residenti Malta. It-tim kollu ġej mill-Klabb ta' Malta Young Sailors ta' San Pawl il-Baħar.
Il-Logħob tal-Gżejjer huwa l-isem kompetizzjoni f'diversi dixxiplini sportivi li ssir kull sena għal atleti żgħażagħ li ġejjin mill-pajjiżi membri tal-COJI, il-Kumitat Organizattiv tal-Logħob tal-Gżejjer.
Il-baħħara żgħar ikollhom l-opportunità li jiġu esposti għall-flotti ikbar meta jieħdu sehem f'kompetizzjoni internazzjonali. Dan għaliex tellieqa tista' tibda b'50 sa 100 dgħajsa.
It-tim nazzjonali qed ifittex kumpaniji bħala sponsors.