Id-definizzjoni ta’ “stupru” se titwessa’

Se titwessa fil-liġi ta' Malta d-definizzjoni ta' stupru, biex b'hekk, każijiet li fil-passat ma ġewx ikklassifikati bħala stupru mill-Qrati Maltin, issa jibdew jiġu kklassifikati bħala stupru.
Din hi waħda mill-emendi f'abbozz ta' liġi, li tkellmet dwarhom il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Helena Dalli, meta kienet qed titkellem dwar diversi emendi li jintroduċi l-Abbozz dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika.
Il-Ministru kienet qed titkellem fil-ftuħ ta' konferenza mtella' mill-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika bit-tema "Violence against women and domestic violence – Everybody's business."
Hi tkellmet dwar il-ħidma tal-gvern biex jissaħħaħ il-qafas leġislattiv fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika u dik abbażi tal-ġeneru.
Qalet li din il-proposta se tieħu post l-Att preżenti dwar il-vjolenza domestika, u se tipproteġi kull individwu mill-vjolenza, filwaqt li timplimenta l-Konvenzjoni ta' Istanbul fil-liġi Maltija b'mod sħiħ.
Emendi oħra li din il-liġi se tintroduċi fil-Kodiċi Kriminali huma emenda għal piena għal offiżi sesswali, it-tneħħija ta' medjazzjoni mandatorja f'każijiet fejn hemm passat ta' vjolenza domestika, u tisħiħ tal-ordnijiet ta' protezzjoni.