Filmat: Id-deckchairs tal-bajja jispiċċaw stretchers għall-vittmi fl-attakk fit-Tuneżija

Tela’ għal 39 l-għadd ta’ persuni li nqatlu fl-attakk terroristiku tal-lbieraħ li seħħ f’bajja tat-turisti fit-Tuneżija. Dan l-attakk kien wieħed minn sensiela ta’ tlieta, b’żewġ attentati oħra jsiru fi Franza u fil-Kuwajt.
Sa issa għadu mhux magħruf jekk kienx hemm xi rabta bejn dawn l-attakki, għalkemm il-grupp tal-Istat Iżlamiku l-ISIS ħa r-responsabiltà.
L-ISIS qed iħeġġeġ lis-segwaċi tiegħu biex jorganizzaw iktar attakki bħal dawn.
L-attakk tat-Tuneżija kien l-iktar wieħed imdemmi fejn raġel li kien qiegħed jagħmilha ta’ turist fuq bajja f’Sousse, ħeba arma tat-tip Kalashnikov fl-umbrella tax-xemx li kien qed juża.
F’ħin minnhom beda jispara fuq koppji, tfal u persuni oħra li kienu jinsabu fil-bajja.
Turisti fuq il-post, fil-parti l-kbira tagħhom Ingliżi, spjegaw kif id-deckchairs tal-bajja spiċċaw jintużaw bħala stretchers biex jinġarru fuqhom il-vittmi.
Kien hemm ukoll Ġermaniżi, Belġjani, Franċiżi u Tuneżini fost dawk maqtula.
Is-Segretarju għall-Affarijiet Barranin Ingliż Philip Hammond qal li tal-inqas ħamsa mill-vittmi kienu Ingliżi iżda qed jistenna li dan in-numru jkompli jitla’.
Intant il-Prim Ministru Tuneżin Habib Essid qal li fi żmien ġimgħa se jingħalqu mat-80 moskea fit-Tuneżija, li qal qed inisslu mibgħeda u setgħu wasslu għal dawn l-attakki.
Intant ukoll ma jidhirx li kien hemm Maltin qrib il-post fejn seħħ l-attakk terroristiku.