“Id-deċiżjonijiet żbaljati tal-Gvern wasslu għal restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar lejn Malta” – MEA

Miguela Xuereb

Read in English.

L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) qalet li r-restrizzjonijiet ta’ diversi pajjiżi fuq l-ivvjaġġar lejn Malta huma riżultat tad-deċiżjonijiet żgwidati u żbaljati tal-Gvern.

Dan wara li bosta pajjiżi ħeġġew lil nieshom biex jevitaw li jivvjaġġaw lejn Malta bla bżonn. Oħrajn qegħdin jobbligaw lil min jiġi Malta sabiex jagħmel test tal-coronavirus malli jirritorna f’pajjiżu, kif ukoll ġimagħtejn kwarantina. L-aħħar pajjiż li żied lil Malta mal-lista ta’ pajjiżi mhux siguri minħabba l-coronavirus kien il-Belġju, jum biss wara l-Ingilterra.

Dwar id-deċiżjoni tal-Ingilterra, l-MEA qalet li Malta issa tista’ tinsa li s-settur tat-turiżmu jirkupra malajr, billi l-akbar ammont ta’ turisti f’Malta normalment huma Ingliżi.

L-MEA akkużat lill-Gvern li kellu konsultazzjoni selettiva ma’ ċerti lobbies, li rriżulta f’ripożizzjonar żgwidat tal-prodott turistiku Malti. Wara xhur ta’ sagrifiċċju u pakketti finanzjarji biex is-sitwazzjoni tinżamm taħt kontroll, l-MEA qalet li r-restrizzjonijiet il-ġodda issa wasslu għal biex jitħassar għadd kbir ta’ bukings fil-lukandi. Apparti hekk, l-MEA hi tal-fehma li l-industrija tal-ikel se tbati ladarba jintużaw il-vawċers kollha li tqassmu mill-Gvern.

L-Assoċjazzjoni bassret li l-Gvern issa jrid joħroġ aktar miljuni biex iżomm l-ekonomija għaddejja. Semmiet kif diversi kumpaniji qegħdin jitilfu n-negozju u ħafna familji qed jitilfu l-għajxien tagħhom minħabba l-ftit operaturi li kienu se jgawdu mit-tibdil ta’ Malta fi gżira tal-parties.

“Aħjar ftaħna l-ajruport għal ftit destinazzjonijiet”

L-MEA żiedet tgħid li hi kienet favur li jinfetaħ l-ajruport, iżda b’mira għal turisti li ma kinux ipoġġu lil Malta f’daqshekk riskju ta’ infezzjoni. Barra minn hekk, kellu jkun hawn kontroll strett tal-attivitajiet tal-massa li jsiru lokalment.

Li kieku ġiet addottata din l-istrateġija, qalet l-MEA, kieku hemm ċans kbir li s-sitwazzjoni kurrenti kienet tkun evitata u Malta tkun għadha qed tilqa’ turisti minn pajjiżi siguri. Minkejja li dan ma kienx jiggarantixxi li l-każijiet ma jiżdidux, skont l-MEA, il-Gvern ma kienx ikun jaħti u kien ikun hemm aktar ċans li l-ekonomija tirkupra malajr.

Filwaqt li semmiet li fix-xhur li ġejjin huwa mistenni li l-kumpaniji affettwati se jieħdu miżuri fiskali sabiex jibqgħu għaddejjin u jevitaw li jkeċċu n-nies, l-MEA qalet li tittama li l-fondi allokati mill-Unjoni Ewropea jkunu biżżejjed biex joffru sapport lill-industrija u lix-xogħlijiet sakemm is-sitwazzjoni tmur għall-aħjar.

It-total ta’ każijiet attivi f’Malta bħalissa huwa ta’ 505, wara li lbieraħ ġew irreġistrati 31 każ ġdid tal-coronavirus u fiequ 54 persuna.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn