“Id-deċiżjonijiet tal-kera mhux se jogħġbu lil kulħadd” – Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin l-Gvern se jkun qed jieħu deċiżjonijiet iebsin fil-qasam tal-kera li mhux se jogħġbu lil kulħadd.

Meta kien qed jitkellem f’attività politika fl-Imġarr, il-Prim Ministru qal li l-Gvern “mhux se jagħmel l-iżbalji tal-passat fejn għaffiġha” fejn kien iqassam l-appartamenti qisu Father Christmas minkejja li ammetta li dan jista’ jwassal għal telfien ta’ voti.

Il-Gvern irid isib bilanċ bejn min ma jiflaħx jikri u s-sidien ta’ appartmenti tal-kiri li ma jridux li l-Gvern jindaħlilhom. Il-Prim Ministru ammetta li mhux faċli ssib bilanċ iżda stqarr li l-Gvern fil-ġimgħat li ġejjin irid jaqtagħha u qal li “kif jiġri dejjem se joħroġ id-demm”. Qal li minħabba f’hekk mhux se jkompli jipposponi d-deċiżjonijiet.

Muscat qal li spiċċa ż-żmien tal-housing estates u l-Gvern mhu se joħloq l-ebda ghetto. Dan filwaqt li spjega li l-500 appartament għall-akkomodazzjoni soċjali se jkunu mifruxin fuq 22 post.

Huwa qal li l-familja li tingħata akkomodazzjoni soċjali b’kirja se jkun segwita minn ħaddiema soċjali biex din il-familja tgħin ruħha timxi ‘il quddiem fis-soċjetà.

Il-Prim Ministru qal l-investiment ta’ €50 miljun fil-housing qed isir bil-flus tal-program b’investiment (IIP) li l-Oppożizzjoni m’għamlet xejn ħlief tobżoq valenu fuqhom. Huwa qal li fil-ġimgħat li ġejjin, il-Gvern se iħabbar numru ta’ inizjattivi oħra biex ikun jista’ jsostni numru ta’ proġetti oħra fosthom tittjieb fil-mini b’investiment ta’ €10 miljun.

“Invażjoni fil-qasam tal-gaming”

Muscat qal li bħalissa Malta għandha invazzjoni fil-qasam tal-Gaming tant li f’ġimgħa waħda kien hemm 20 kumpanija ġdida li ingħatat liċenzja mill-Malta Gaming Authority.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat fakkar illum festa pubblika  li ħabtet l-Ħadd, l-ħaddiema mhux qed jitilfu ġurnata frank għax dan il-Gvern minn din is-sena qed iroddilhom lura.

Huwa qal li l-Oppożizzjoni għada se terġa għal darb’oħra f’tentattiv iddisprat tipprova tiskredita lil Malta. Muscat qal li din it-tip ta’ politika ġiet miċħuda mill-poplu. Il-Prim Ministru qal li jekk ir-riżultat elettorali tal-2017 jerġa’ jirrepeti ruħu fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, ir-riżultat ikun tliet siġġijiet kull naħa minkejja l-ikbar rebħa Laburista mill-Indipendenza ‘l hawn.

Il-Partit Nazzjonalista jirribatti

Il-Partit Nazzjonalista qal li Joseph Muscat illum kellu jammetta li se jkollu jara kif se jagħmel biex isolvi l-problema tal-kirjiet, problema li ħoloq hu stess bil-mudell ekonomiku li jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni minflok bil-produzzjoni.

Il-PN fi stqarrija qal li dan il-mudell ekonomiku tal-Gvern Laburista ġab miegħu bosta problemi f’setturi bħall-propjetà, l-kirjiet, l-pagi, l-ambjent, l-infrastruttura u t-trasport fost l-oħrajn, u dan għax Joseph Muscat m’għandux pjan.