“Id-deċiżjonijiet dwar it-taxxi għandhom jibqgħu f’idejn il-pajjiżi membri”

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna reġa’ enfasizza li l-kompetenza dwar it-tassazzjoni għandha tibqa’ f’idejn il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea u dan għandu jiġi salvagwardjat.
Il-Ministru Scicluna qal dan waqt laqgħa bilaterali mal-Kummissarju Ewropew Pierre Moscovici fi Brussell.
Edward Scicluna qal li Malta tinsab lesta li tiddiskuti t-tassazzjoni iżda interessi nazzjonali għandhom jiġu salvagwardjati filwaqt li proposti li se jitressqu għandhom jirrispettaw it-trattati Ewropej.
Huwa għamel referenza għall-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ministri f’Diċembru li għandu jkun hemm flessibilità, bil-pajjiżi membri jaqblu ma’ din il-pożizzjoni ta’ Malta.
Saħaq li dwar it-tassazzjoni m’għandux ikun hemm sitwazzjoni ta’ one-size-fits-all għaliex hawn pajjiżi li qed jaffaċċjaw ċirkostanzi ekonomiċi differenti minn xulxin u t-taxxi huma għodda ekonomika li jindirizzaw dawn iċ-ċirkostanzi.
Il-Ministru Edward Scicluna reġa’ tenna l-pożizzjoni ta’ Malta li tinżamm sistema ta’ tassazzjoni fejn jitħalla spazju għall-attività ekonomika u kif livell baxx ta’ tassazzjoni m’għandhix titqies bħala abbużiva jew mhux ġusta.
Fi Brussell, Edward Scicluna attenda wkoll il-laqgħa tal-grupp tal-ewro u laqgħa tal-ECOFIN.