Id-deċiżjoni tar-Renju Unit tagħti daqqa lit-turiżmu Spanjol

REUTERS/Enrique Calvo

Read in English.

L-Ingilterra żbaljat meta ħadet id-deċiżjoni li timponi kwarantina fuq kull min ikun dieħel lura minn Spanja, qal il-Prim Ministru Pedro Sanchez nhar it-Tnejn li għaddew, filwaqt li saħaq li l-pajjiż Mediterranju għandu rata ta’ infezzjoni ta’ coronavirus ferm inqas minn dik fir-Renju Unit.

Sanchez kien qed jitkellem eżattament wara li r-Renju Unit, b’din id-deċiżjoni, kompla jnaqqas it-tama li t-turiżmu Spanjol jerġa’ jirpilja billi estenda l-linji ta’ gwida kontra l-ivjaġġar non-essenzjali lejn Spanja biex issa dawn jinkludu wkoll il-gżejjer Baleariċi u dawk Kanarji.

“Fl-opinjoni tiegħi, dan huwa żball għaliex ir-Renju Unit qed jibbaża din id-deċiżjoni fuq l-inċidenza kumulattiva tal-virus fil-pajjiż kollu,”qal Sanchez waqt intervista fuq l-istazzjoni Telecinco.

Iż-żieda ta’ każijiet ta’ coronavirus seħħet f’żewġ reġjuni, il-Katalunja u Aragon, filwaqt li kompla jgħid li “fil-parti l-kbira ta’ Spanja, l-inċidenza ta’ din il-marda hija ferm iżjed inferjuri mill-għadd reġistrat fir-Renju Unit.”

Is-sena l-oħra, iżjed minn għoxrin fil-mija tat-turisti li żaru Spanja, kienu Ingliżi. Spanja huwa pajjiż li jiddependi ħafna mit-turiżmu.

Il-Prim Ministru Soċjalist qal li l-gvern Ingliż lanqas biss kien avża lil Spanja li kien se jimponi din il-kwarantina.

Għaldaqstant, iż-żewġ naħat issa jinsabu f’kuntatt fejn Madrid qed tipprova tipperswadi lill-gvern tal-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson biex idawwar id-deċiżjoni qal Sanchez filwaqt li kompla jisħaq il-ħbiberija bejn iż-żewġ pajjiżi.

Iżda din id-deċiżjoni mill-Ingilterra, li tħabbret ftit qabel l-intervista ta’ filgħaxija ma’ Sanchez, ma tantx se tagħmilha faċli għal Spanja biex tipperswadi lill-gvern Ingliż biex ibiddel id-deċiżjoni tiegħu daqshekk malajr.

Filwaqt li Madrid qed tiffoka l-ħidma tagħha sabiex il-gżejjer Baleariċi u dawk Kanarji jitneħħew minn fuq il-lista ta’ kwarantina, Londra ddeċidiet li tinkludiehom fil-lista ta’ destinazzjonijiet fejn l-ivjaġġar non-essenzjali mhux permess.

Sanchez qal li ż-żewġ arċipelagi kif ukoll ir-reġjuni ta’ Valencia u Andalusia kellhom rata ta’ infezzjoni ferm iżjed baxxa.

“Iżjed ikun sigur li tkun f’dawn id-destinazzjonijiet milli fir-Renju Unit,” qal Sanchez.

Il-kwarantina kienet kritikata minn diversi gruppi turistiċi bħala deċiżjoni sproporzjonata u impulsiva.

Aktar kmieni nhar it-Tnejn, il-lukandi Spanjoli ħabbru li kienu saħansitra qed joffru li jħallsu huma sabiex it-turisti jagħmlu t-test tal-coronavirus f’tentattiv sabiex iħajjru lit-turisti li jinsabu imħassbin dwar din il-mewġa ġdida ta’ każijiet u li issa kienu qed ikunu mxekkla wkoll minn din l-impożizzjoni ta’ kwarantina ta’ ġimgħatejn.

Minn meta temmet il-lockdown nazzjonali xahar ilu, Spanja sabet ruħha tipprova tikkontrolla iż-żieda ta’ każijiet ġodda. 

Il-Ministru tas-Saħħa irraporta 6,361 każ ġdid matul tmiem il-ġimgħa u ntqal ukoll li qed ikun hemm monitoraġġ ta’ 361 cluster madwar il-pajjiż kollu.

Il-Ministru tat-Trasport Ingliż qassar ħesrem il-btala tiegħu stess fi Spanja sabiex ikun jista’ jirritorna lura u jkompli jimmaniġġja l-kwistjoni.

“Iżjed ma nirritorna kmieni minn Spanja, iżjed inlesti malajr mill-kwarantina,” qal Grant Shapps f’stqarrija.