“Id-deċiżjoni tal-Qorti se tkisser dak li bnejna fi 30 sena”

Il-Kummissarju għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, Oliver Scicluna, ilmenta dwar il-kawża li qatgħet il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-Kummissjoni, billi aċċettat li persuni jiġu trattati bħala inferjuri minħabba d-diżabilità tagħhom minflok tqis dan it-trattament bħala diskriminazzjoni, minħabba li skontu se tkisser ix-xogħol kollu li wettqet il-kummissjoni f’dawn l-aħħar tletin sena.
Waqt konferenza nazzjonali bit-tema ‘Mhux kemm ngħaddi imma nirnexxi', Scicluna spjega li, jekk tgħaddi din id-deċiżjoni, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità li Malta ffirmat għaxar snin ilu se tisfa inutli, għax id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità mhumiex se jibqgħu jiġu rispettati.
Scicluna saħaq li m’għandux bżonn min jitħassru, jew min jagħmillu l-pjaċiri, għax fi kliemu, “Jiena għandi dritt immur l-iskola mhux għax ta’ min titħassarni, imma għax għandi dritt għaliha bil-liġi u għax fil-futur ma rridx niddependi fuq il-karità ta’ għajri”.
Scicluna kompla jgħid li, bħala ċittadin bħall-oħrajn, għandu jkollu d-dritt li jaċċessa l-informazzjoni li jkollu bżonn, li jinqeda meta jidħol ġo ħanut, u li jżur binjiet li jkunu miftuħin għall-membri kollha tal-pubbliku.
Bħala l-Kummissarju għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, Scicluna wiegħed li se jkompli jimxi fuq il-passi tal-fundatur tad-Dar tal-Providenza, Monsinjur Mikiel Azzopardi, li fi kliemu tant ħadem “biex minn emarġinata, skartata u mistmerra, il-persuna b’diżabilità ssir persuna maħbuba u aċċettata”, bit-tama li fl-aħħar persuni b’diżabilità jieħdu dak li hu tagħhom bi dritt.