“Deċiżjoni dijabolika li l-kaċċa taqa’ taħt il-Ministeru għal Għawdex”

BirdLife Malta sostniet li d-deċiżjoni tal-Prim Ministru Robert Abela, li tpoġġi lir-regolatur tal-kaċċa taħt il-Ministeru għal Għawdex “hija dijabolika”. Sostniet li din id-deċiżjoni kienet “waħda purament elettorali”.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta semma kif it-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (Wild Birds Regulation Unit, WBRU) tpoġġiet taħt il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri. Spjega kif issa, Camilleri, li huwa kaċċatur u nassab se jkollu poter fuq ir-regolatur dwar il-kaċċa u l-insib f’Malta.

BirdLife Malta qalet li kienet qed tittama li l-Prim Ministru Robert Abela jirrispondi għall-preokkupazzjonijiet ambjentali u jgħaddi r-responsabbiltà tal-kaċċa u l-insib lill-Ministeru għall-Ambjent. Kompliet billi fakkret lill-Prim Ministru li Malta qed taffaċċja proċeduri ta’ ksur fuq livell tal-Unjoni Ewropea b’rabta mad-deċiżjoni li tiftaħ l-insib għall-għasafar tal-għana u għall-insistenza li l-insib jibqa’ permessibbli għal speċi oħrajn.

Intant, BirdLife Malta ħeġġet lill-Prim Ministru biex jerġa’ jikkunsidra din id-deċiżjoni u jpoġġi l-WBRU fi ħdan “minister li jirrifletti l-aspirazzjonijiet ta’ nazzjon li jqis lill-ambjent bħala prijorità.”