Id-deċiżjoni tal-bieraħ pass ieħor biex il-PN jagħżel kap ġdid – id-19 tal-PN

Read in English.

Id-19-il Membru tal-Grupp Parlamentari tal-PN li jridu kap ġdid qalu li d-deċiżjoni tal-bieraħ tal-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tfisser pass ieħor ‘il quddiem biex il-Partit Nazzjonalista jagħżel kap ġdid.

Fi stqarrija, il-maġġoranza tal-Grupp Parlamentari qalet li d-deċiżjoni kienet oħra important li permezz tagħha l-PN “ikun jista’ joħroġ mill-perjodu ikrah u diffiċli li sab ruħu fih, u jkollu elezzjoni għal kap ġdid sal-aħħar tas-sajf.”

Il-MPs qalu li kull kunsillier jkollu ċ-ċans li jagħżel it-triq ‘il quddiem għall-PN. Iddeskrivew l-għażla bħala waħda ta’ elezzjoni miftuħa fost kandidati ġodda għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, jew inkella tiġrija fejn Adrian Delia jtellaq waħdu.

“Aħna għandna fiduċja sħiħa fil-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista li jieħdu d-deċiżjoni li tant hemm bżonn bħalissa: deċiżjoni għal tellieqa miftuħa li twassal għal Partit Nazzjonalista mġedded b’post għal kulħadd u lest għat-testijiet elettorali li jmiss. Nifhmu li mhix deċiżjoni faċli, iżda hi d-deċiżjoni fl-interess kemm tal-partit kif ukoll tal-pajjiż,” qalu l-MPs.

Iddeskrivew dan bħala mument storiku għall-Partit Nazzjonalista.