“Id-deċiżjoni ta’ Trump se tqajjem aktar estremiżmu, ma naqblux miegħu” – Muscat

Il-Prim Ministru, Joseph Muscat, qal li l-Gvern ma jaqbilx li l-Ambaxxata Amerikana timxi minn Tel Aviv għal Ġerusalemm f’Iżrael, u lanqas li Ġerusalemm tkun rikonoxxuta bħala l-kapitali ta’ Iżrael.
Ilbieraħ waqt diskors uffiċjali, il-President Amerikan, Donald Trump, irrikonoxxa lil Ġerusalemm bħala l-kapitali ta’ Iżrael, u żied jgħid li dalwaqt jibda bit-tħejjijiet biex l-ambaxxata timxi minn Tel Aviv għal Ġerusalemm.
Dil-mossa tal-President Donald Trump qalbet ta’ taħt fuq dak kollu li sar qablu minn presidenti oħra, fil-fatt l-Istati Uniti issa huwa wkoll l-ewwel pajjiż li rrikonoxxa lil Ġerusalemm bħala tali minn kemm ilu jeżisti Iżrael bħal stat, jiġifieri mill-1948.
Ir-rikonoxximent ta’ Trump kien sinjifikattiv tali li minnufih 15-il pajjiż mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda sejħu għal laqgħa urġenti sal-aħħar tal-ġimgħa.
Id-deċiżjoni ta’ Trump mhix deċiżjoni kwalunkwe, jew li tista’ tgħaddi m’oħrajn li ma jħallux effett, u dan għax il-belt imqaddsa ta’ Ġerusalemm hija waħda mill-aktar xewkiet jaħarqu fil-kunflitt bejn il-Palestinjani u l-Iżraeljani.
L-Iżrael minn dejjem qies lil Ġerusalemm bħala l-kapitali tiegħu, iżda l-Palestinjani jagħrfu l-Lvant tal-belt bħala l-kapitali tagħhom jekk xi darba jkun hemm stat Palestinjan indipendenti.
Issa li Trump irrikonoxxa lill-belt bħala l-belt kapitali ta’ Iżrael, dan se jagħti ħafna aktar qawwa lill-Iżraeljani sabiex jokkupaw aktar djar fejn bħalissa hemm il-Palestinjani fil-Lvant tal-belt.
Waqt li kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti l-Giovanni Curmi Higher Secondary School, Muscat enfasizza li deċiżjonijiet bħal dawn se jwasslu għal aktar estremiżmu.
“Nemmnu li d-diskussjonijiet dwar Ġerusalemm għandhom jittieħdu b’diskussjonijiet bejn il-partijiet kollha involuti”, sostna l-PM, waqt li enfasizza l-ħtieġa ta’ soluzzjoni li tkun tinvolvi żewġ stati separati.
"Il-Punent ta' Ġerusalemm għall-Iżraeljani, il-Lvant għall-Plestinjani" – il-Gvern
Sadanittant fi stqarrija l-Gvern qal li s-soluzzjoni għandha tkun li l-Punent ta' Ġerusalemm tingħata lill-istat ta' Iżrael, li diġà jeżisti, u l-Lvant tal-belt imur għand il-Palestinajni meta jkollhom l-istat sovran tagħhom.
“Deċiżjoni fid-direzzjoni żbaljata” – PN
Anki l-Partit Nazzjonalista ma qabilx mal-President Amerikan, u sejjaħ id-deċiżjoni tieghħu bħala waħda fid-direzzjoni żbaljata, li se xxekkel il-proċessi għall-paċi fir-reġjun.
Temm jenfasizza l-pożizzjoni tiegħu favur is-soluzzjoni ta’ 2 stati separati, u żied jgħid li deċiżjonijiet dwar Ġerusalemm għandhom jittieħdu bil-kunsens ta’ Iżrael u l-Palestina flimkien.