L-Awtorità Ewropea għall-Mediċini approvat il-vaċċin tal-kumpanija Moderna kontra l-Covid-19.
Dan tħabbar mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen fuq Twitter, fejn spjegat li issa jonqos li jiġi approvat mill-Kummissjoni, u mbagħad jibda jitqassam fil-pajjiżi.
L-Awtorità kienet għaddejja b’laqgħa biex tiddeċiedi jekk tapprovax il-vaċċin COVID-19 ta’ Moderna wara li naqset milli tasal għal deċiżjoni aktar kmieni din il-ġimgħa. Ir-regolatur, permezz ta’ tweet, qal li bdiet il-laqgħa tal-kumitat tal-EMA biex jiddiskuti l-vaċċin COVID-19 Moderna.
Il-kumitat sejjaħ laqgħa mhux skedata nhar it-Tnejn li għadda biex jiddiskuti l-vaċċin ta’ Moderna iżda naqas milli jasal għal konklużjoni.
Dakinhar l-awtorità tal-mediċini ma speċifikatx għaliex ma setgħetx tapprova l-vaċċin, iżda t-Tlieta qalet li l-esperti tagħha kienu qed jaħdmu bla heda biex jiċċaraw kwistjonijiet pendenti mal-kumpanija.
L-EMA stabbilixxiet li tagħti l-verdett tagħha sat-12 ta’Jannar.