Id-DBRS tħares pożittivament lejn il-qagħda finanzjarja f’Malta

L-aġenzija ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu indipendenti, DBRS, bidlet l-evalwazzjoni tagħha dwar il-qagħda finanzjarja Maltija għal waħda pożittiva, filwaqt li affermat il-livell ta’ ‘A’ li diġà kien hemm.
L-aġenzija qalet fi stqarrija li l-fatturi ewlenin li wassluha biex tkun pożittiva huma l-qagħda finanzjarja b’saħħitha tal-familji Maltin u Għawdxin, l-andament ekonomiku fil-kuntest usa’ ta’ dak barrani, l-istruttura favorevoli tad-dejn pubbliku u s-sħubija fiz-Zona Ewro.
Barra minn hekk, il-klassifikazzjoni tirrifletti t-titjib fil-pożizzjoni fiskali tal-pajjiż fl-aħħar tliet snin, li skont id-DBRS se tibqa’ mantnuta.
L-aġenzija tbassar ukoll li flimkien mat-tkabbir ekonomiku, baġit li jsostni dan it-tkabbir jassiguraw li l-proporzjon tad-dejn pubbliku jkompli jonqos.
Minkejja dan, fl-istqarrija hemm twissija li l-futur inċert f’ċertu setturi tal-ekonomija jistgħu jitfgħu dell fuq l-affarijiet pożittivi l-oħra. Id-DBRS tgħid li l-ekonomija Maltija hija esposta għal theżżiżiet ekonomiċi esterni, u żiedet ukoll il-pressjoni minħabba spejjeż relatati mal-anzjanità, li fil-ġejjieni jistgħu joħolqu problemi għall-pensjonijiet.
Finalment, l-aġenzija rrimarkat li wara l-pożizzjoni fiskali li ħadet Malta fl-2013, ir-riżultati fl-2016 kienu aħjar minn dawk mistennija. Id-defiċit inbidel f’surplus, filwaqt li d-dejn niżel taħt is-60%, 12-il punt inqas mill-ogħla li qatt kien fl-2011.
"Wara Standard and Poor’s u Fitch, issa jitkellmu d-DBRS b'mod pożittiv" – il-Gvern
Sadanittant, il-Ministeru tal-Finanzi qal fi stqarrija li l-Gvern żamm mal-wegħda elettorali tal-2013 li jtejjeb il-klassifikazzjoni ta’ Malta.
Intqal kif id-DBRS irrikonoxxiet l-isforzi tal-Gvern biex jindirizza sfidi strutturali u fiskali inklużi r-ristrutturar tal-Enemalta u tal-Air Malta, u miżuri li jindirizzaw l-evażjoni tat-taxxa u l-informalità.
Dwar il-kummenti inqas pożittivi tad-DBRS, ewlenija fosthom tal-pensjonijiet, il-ministeru qal li l-Gvern ħadem fuq din l-isfida billi implimenta diversi riformi biex jgħin is-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema, inklużi miżuri li jiskoraġġixxu l-irtirar kmieni mix-xogħol u jtawlu l-perjodu kontributorju.
Ritratt: Arkivji