Id-dawl tat-tama ma jintefa qatt

ŻgħaŻagħ jisimgħu b'attenzjoni t-tagħlim ta' Papa Franġisku

Nhar is-Sibt filgħaxija l-Papa Franġisku ħa sehem f’velja maż-żgħażagħ fil-kamp djoċesan ta’ Soamandrakizawy u sfidahom jistaqsu lilhom infushom jekk Alla jistax iserraħ fuqhom.

Wara li sama’ l-esperjenza ta’ żewġ żgħaża  qgħ li tkellmu dwar l-esperjenzi tagħhom, wieħed fil-ministeru mal-priġunieri u oħra f’ħidma missjunarja, il-Papa rrimarka li hu sabiħ li tiltaqa’ ma’ żewġ żgħażagħ b’fidi ħajjja. Id-dixxipli ta’ Kristu ma jistgħux jibqgħu weqfin, iridu jkunu għaddejjin il-ħin kollu jaħdmu għax ċerti li Alla jgħinhom u jakkumpanjahom.

X’intom tifittxu?

Il-Papa fakkar fil-mistoqsija li Ġesù kien għamel lill-Appostli fuq ix-xatt tax-Xmara Ġordan: “X’ intom tfittxu?” “Alla jaf li aħna qed infittxu l-ferħ li għalih aħna maħluqa u li d-dinja mhux se teħdilna”.

Kull tfittxija bażata fuq il-fidi “tgħin biex id-dinja li ngħixu fiha issir aħjar”. Dak li nagħmlu għall-oħrajn jibdilna; jibdel il-mod kif naraw u niġġudikaw lin-nies.  Tagħmilna aktar sensittivi u nifhmu u nagħrfu li Alla hu parti minn ħajjitna.

“Alla ma jsejħilniex bid-dnubiet, l-iżbalji, il-ħtijiet jew il-limiti tagħna”, spjega l-Papa, “imma jsejħilna b’isimna”. Alla dejjem ifakkarna “kemm aħna prezzjużi f’għajnejh u jafda b’missjoni”.

Bidu ġdid

Meta tkellem dwar l-esperjenza li għamil iż-żgħażugħ mal-priġunieri, spjega x’tgħallem dak il-ġuvnott. “Int abbandunajt l-kritika ħafifa u faqli li tipparaliżżana. Irrealizzajt li numru mhux ħażin ta’ dawk fil-ħabs mhux qegħdin hemm għax huma nies ħżiena imma għax għamlu għażliet żbaljati. Qabdu t-triq il-ħażin u issa ndunaw bl-iżball u jridu jibdew mill-ġdid”.

“Wieħed mill-isbaħ rigali li toffrilba l-ħbiberija tagħna m’Alla hi li Hu dejjem magħna u ma jabbandunana qatt. Ilkoll nafu mill-esperjenza,” kompla Papa Franġisku, “li n-nies jistgħu jitfixklu, jiġru wara illużjonijiet sbieħ li jispiċċaw iħallu l-ħolm u r-ruħ tagħna abbandunati mat-triq. Dawk l-illużjonijiet jittantawna biex naqtgħu qalbna u nħallu kollox”.

Ħammġu idejkom

Alla l-ewwel wieħed li jgħidlek “din mhux it-triq li għandek tieħu”, insista l-Papa. Hu jsejjaħlek biex issir dixxiplu missjunarju issa u hawn.  Hu l-ewwel wieħed li jwarrab dawk l-ilħna li jagħmlu passiv, insensittiv u mimli apatija. Alla jgħidilna biex ma niddejqux inħammġu idejna”

“Il-Mulej jafda fikom”, qal Papa Franġisku liż-żgħażagħ tal-Madagascar. “Imma hu jgħidilkom ukoll biex tafdaw fikom infuskom u l-ħiliet tagħkom. Alla jgħidilkom biex tinkoraġixxu lil xulxin u tingħaqdu miegħu biex flimkien tiktbu l-isbaħ paġna ta’ ħajjitkom, twarrbu l-apatija u toffru risposta nisranija għall-ħafna problem li tiffaċċjaw”. Kien hawn li l-Papa sfida liż-żgħażagħ jistaqsu lilhom infushom: “Kristu jista’ jserrah fuqi?”

M’intomx weħidkom

Il-Mulej jafdana b’missjoni. “Iżda ma jibgħatniex weħidna”. Ma tistax tkun dixxiplu missjunarju waħdek. Weħidna nistgħu nagħmlu affarijiet kbar iżda flimkien nistgħu noħolmu u nagħmlu affarijiet li qatt ma mmaġinajna li nistgħu nagħmlu”.

Il-Papa Franġisku fakkar liż-żgħażagħ li “aħna familja waħda kbira” u l-Madonna hi Ommna. Hi qatt ma kienet se tgħid: “issa naraw x’jiġri”, hi qalet sempliċement “Iva”.  Din hi l-“Iva” ta’ kulmin hu lest li jimpenja ruħu u jirriskja kollox bla beda garanzija ħlief il-konvinzjoni li qed iwassal tama.

“Marija”, qal il-Papa, “Hi l-omm li tħares lejna bħala uliedha fil-mixja ta’ ħajjitna, kultant għajjiena u fil-bżonn imma dejjem anzjużi li d-dawl tat-tama ma jintefiex. Dan hu li nixtiequ għall-Madagascar, għal kull wieħed u waħda minnkom u għal ħbiebkom – li d-dawl tat-tama ma jintefa’ qatt”, temm jgħid Papa Franġisku.