Id-dawl f’Malta jogħla b’7%; is-seba’ l-orħos fl-UE – Eurostat

Partit Demokratiku dawl ħlas

Statistika tal-Eurostat turi li fit-tieni sitt xhur tal-2017, il-prezz tal-elettriku f’Malta żdied b’7.1% meta mqabbel mal-istess perijodu tal-2016.
L-istatistika ħarġet f’perijodu ta’ kontroversja dwar ir-rati li qed iħallsu l-Maltin fil-kontijiet tad-dawl.
Joħroġ li mill-istati membri tal-UE, l-ogħla żieda fil-kontijiet tad-dawl kienet dik f’Ċipru bi 12.6%, segwita mir-Rumanija b’7.2% u Malta b’żieda ta’ 7.1%. Skont dawn iċ-ċifri, jirriżulta li Malta għandha s-seba’ l-orħos tariffi tad-dawl fil-pajjiżi kollha tal-UE. Fl-Italja, kien hemm l-akbar roħs fil-kontijiet tad-dawl bi tnaqqis ta’ 11%.
L-elettriku fir-residenzi kollha tal-UE naqas b’medja ta’ 0.2% fejn il-prezz medju għal kull 100 Kilowatt huwa ta’ €20.50c. Madankollu dan il-prezz ivarja sewwa bl-iktar irħis ikun fil-Bulgarija b’€10 kull Kilowatt u jitla’ għal €30 kull Kilowatt fl-iktar żewġ pajjiżi għolja, li huma d-Danimarka u l-Ġermanja.
Fl-istatistika tal-Eurostat, Malta mhijiex inkluża fil-prezzijiet tal-gass għax Malta hija fost tliet pajjiżi li m’għandhomx suq sinifkanti tal-gass għall-konsumaturi.
“Il-poplu Malti qed iħallas iktar minn kemm suppost” – PN
Intant b’reazzjoni għal dan, il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista David Agius u Claudette Buttigieg qalet li din l-istatistika hija konferma oħra ta’ kemm il-poplu Malti qed iħallas iktar għall-enerġija, meta l-prezz internazzjonali kien wieħed stabbli.
Ikkwotaw stħarriġ li wettaq il-Partit Nazzjonalista dwar il-kontijiet tad-dawl, fejn ħareġ li 80% tad-djar kienu qed iħallsu kontijiet iktar għolja minn kemm suppost.
Il-PN temm jgħid li ż-żieda ta’ 7.1% trid tittieħed fil-kuntest tal-profitt ta’ 40 miljun dollar Amerikan li sar minn xi ħadd f’sena, wara l-ftehim ħażin li ġie ffirmat mas-SOCAR għax-xiri tal-gass LNG għall-power station il-ġdida f'Delimara.
“Fost l-orħos kontijiet fl-UE kollha” – PL
Min-naħa l-oħra, il-Partit Laburista fi stqarrija qal li l-Eurostat ikkonfermat li Malta għandha fost l-orħos kontijiet fl-UE kollha. Qal li dan huwa riżultat tal-bidliet li kiseb il-Gvern meta raħħas il-kontijiet tad-dawl b’25%. Il-PL fakkar kif Malta għandha l-inqas ammont ta’ taxxi u dazji fil-kontijiet tal-elettriku.