Id-dawl blu mill-mowbajl qed inaqqaslek il-vista

Studju ġdid juri kif id-dawl blu mill-mowbajls jagħmel ħsara lill-għajnejn. Ix-xjentisti sabu li dan id-dawl jinxtorob minn molekuli vitali fir-retina u jwasslu biex toħroġ kimika tossika li toqtol iċ-ċelloli. Din il-ħsara tista’ twassal għal blind spots kbar fil-vista li jindikaw li l-persuna tkun bdiet titlef il-vista.

It-tim mill-Università ta’ Toledo f’Ohio l-Istati Uniti qed iħeġġeġ lill-pubbliku biex ma jużax mowbajls fid-dlam għax dan ikabbar il-pupilli u b’hekk jidħol iktar dawl blu fl-għajnejn.
L-istatistika turi li iktar persuni mistennija jitilfu d-dawl qabel jagħlqu l-50 sena, riżultat ta’ ħsara mill-użu żejjed tat-teknoloġiji.

Ix-xjentisti jispjegaw li ladarba jinqerdu ċ-ċelloli, dawn ma jistgħux jerġgħu jinħolqu mill-ġdid. Fl-istess waqt qed ikomplu bir-riċerka biex isibu xi vitamini oħra li jistgħu iwaqqfu l-ħsara fil-vista. Għalissa ma hemmx kura għal meta persuna titlef id-dawl.