Id-dati l-ġodda għall-Karnival tas-sajf wara l-mewta traġika

Read in English.

Il-Karnival tas-sajf tal-2019 se jsir bejn it-30 ta’ Awwissu u l-1 ta’ Settembru 2019. Dan wara li ma sarx fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet minħabba l-mewta traġika ta’ Jean Paul Bonett. 

Jean Paul Bonett tilef ħajtu traġikament wara li ħa xokk elettriku waqt li kien qed jagħmel xi xogħlijiet fil-maħżen tal-Karnival fil-Marsa.

Aqra: Raġel imut b’xokk f’maħżen tal-Karnival

Il-Ministeru għall-Kultura flimkien ma’ Festivals Malta, kienu wrew is-sogħba tagħhom għall-mewt ta’ Jean Paul Bonett, wieħed mill-aktar persuni delettanti tal-Karnival. Fi stqarrija kienu ħabbru li ġew imħassra l-attivitajiet kollha relatati mal-Karnival tas-sajf li kellhom isiru fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.

 Aqra: Jitħassar il-Karnival tas-sajf minħabba l-inċident tal-Marsa

Madanakollu, wara li saret konsultazzjoni sħiħa mad-dilettanti tal-Karnival infushom, il-karnival tas-sajf se jibda f’San Pawl il-Baħar nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Awwissu mis-7.30pm ’il quddiem. Is-Sibt 31 ta’ Awwissu l-karnival tas-sajf se jkun f’Birżebbuġa għall-ewwel darba. Il-Ħadd, l-1 ta’ Settembru, il-karnival jimxi għal Marsaskala bil-parteċipazzjoni tal-Banda Sant’Anna.

Organizzat b’kollaborazzjoni ma’ diversi kunsilli lokali, il-karnival tas-sajf huwa karatterizzat minn parata mat-toroq fi rħula ħdejn il-baħar. Il-karrijiet huma ġeneralment iżgħar minn dawk tal-karnival tax-xitwa, u total ta’ 12-il karru, wieħed minnhom minn Għawdex (li se jipparteċipa biss f’San Pawl il-Baħar), kif ukoll ħames skejjel taż-żfin se janimaw l-avvenimenti ta’ tmiem il-ġimgħa.

Din is-sena saret ukoll kollaborazzjoni tal-Università mal-istudenti tal-MCAST li permezz tagħha l-istudenti ġew mistiedna li jissottomettu illustrazzjonijiet artistiċi li jirrappreżentaw il-karnival tas-sajf biex jintużaw għal skop promozzjonali.