Id-data tar-referendum trid tagħti ċans għal diskussjoni

Il-koalizzjoni kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa qalet li-ewwel deċiżjoni trid tkun id-data tar-referendum, li tista’ tkun xi ġurnata bejn id-9 ta’ April u d-9 ta’ Lulju.
Il-koordinatur tal-kampanja tal-koalizzjoni Romina Tolu sostniet li l-koalizzjoni qed tittama li l-ġurnata li tintagħżel tagħti biżżejjed ċans għal dibatitti u diskussjonijiet sabiex il-votanti jkunu jistgħu jagħmlu deċiżjoni tajba.
Fi stqarrija l-koalizzjoni laqgħet il-mod ta’ kif iż-żewġ partiti l-kbar laqgħu r-referendum dwar il-kaċċa.
Dan b’reazzjoni għall-istqarrijiet li għamlu kemm il-gvern kif ukoll l-oppożizzjoni dwar ir-referendum kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa.
Qalet li l-istqarrijiet tal-Prim Ministru u tal-Ministru tal-Ġustizzja juru li qed jirrispettaw ir-referendum u li se jiffaċilitaw il-proċess sabiex il-Maltin jagħmlu deċiżjoni fuq il-kaċċa fir-rebbiegħa.