Id-data tal-Konklavi mhux se titħabbar nhar it-Tnejn li ġej

Benedittu XVI m’għadux Papa. Fit-tmienja tal-Ħamis filgħaxija temm il-Pontifikat tiegħu li preċiżament kien twil 7 snin, 10 xhur u 9 ijiem. Dan ifisser li l-Vatikan daħal fi stat ta’ “Sede Vacante”.

Il-kelliem tal-Vatikan Patri Federico Lombardi qal li nhar it-Tnejn li ġej fid-disa’ u nofs ta’ filgħodu l-kardinali se jiltaqgħu għall-Kongregazzjoni Ġenerali ta’ qabel il-Konklavi. Patri Lombardi qal li wisq probabbli d-data tal-Konklavi mhux se titħabbar nhar it-Tnejn li ġej.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Patri Lombardi qal li l-kardinal Dekan Angelo Sodano diġà bagħat ittra lill-kardinali kollha biex jibdew jiltaqgħu mill-ġimgħa d-dieħla.

Il-Kongregazzjoni tal-Kardinali se tibqa’ għaddejja sakemm jaslu l-kardinali kollha li jistgħu jivvutaw fil-Konklavi. Ġaldarba jaslu kollha, tkun tista’ tiġi deċiża d-data tal-Konklavi.

Il-Papa l-ġdid se jintagħżel fil-Kappella Sistina minn 115-il kardinal: minn dawn hemm 60 Ewropej, 11-il Afrikan, 10 Ażjatiċi 14 mill-Amerika Ċentrali, 19 mill-Amerika ta’ Isfel, u wieħed mill-Oċeanja.

Oriġinarjament, kellhom ikunu preżenti għall-Konklavi żewġ kardinali oħra. il-kardinal O’Brien li avża li mhux se jattendi minħabba li rriżenja, u kardinal Indoneżjan li ma jistax jattendi minħabba raġuni ta’ saħħa.