Id-Dar tal-Providenza tirringrazzja lill-pubbliku wara ġabra rekord

Id-donazzjonijiet fuq €10,000 jiġu verifikati

Read in English.

Id-Dar tal-Providenza, filwaqt li rringrazzjat lill-pubbliku inġenerali għall-ġabra rekord ta’ €2.5 miljun qalet li d-donazzjonijiet kollha fuq €10,000 jiġu verifikati mid-Dar u li dan jgħodd ukoll għall-wegħda, jew pleġġ, ta’ €500,000 minn Catco Group Capital. L-istqarrija tgħid li “l-aċċettazzjoni ta’ din id-donazzjoni hija suġġett tal-proċess intern ta’ verifika tad-Dar.”

L-istqarrija tad-Dar tal-Providenza ddeskriviet is-somma miġbura bħala “ġenerożità straordinarja” u żiedet tgħid li “dawn id-donazzjonijiet se jkunu mezz importanti sabiex id-Dar tkun tista’ tkompli bil-ħidma professjonali li toffri lir-residenti, b’mod speċjali f’dawn iż-żminijiet diffiċli.”

“Aċċettazzjoni wara verifika”

Id-direzzjoni tad-Dar qalet li “hekk kif stabbilit mill-policies tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, donazzjonijiet fi flus kontanti ta’ aktar minn €5,000 u donazzjonijiet jew pleġis oħra ‘l fuq minn €10,000 minn individwi jew kumpaniji, huma suġġett ta’ proċess ta’ verifika.” 

Id-Dar tal-Providenza, bħala parti minn dan il-proċess u f’konformità mal-obbligi regolatorji, talbet aktar dokumentazzjoni wara li rċeviet pleġġ ta’ €500,000 minn Catco Group Capital Investment. Id-Dar tal-Providenza ma toqgħodx biss fuq dokumentazzjoni pprovduta, imma tagħmel il-proċess ta’ verifika tagħha qabel taċċetta tali donazzjonjiet. L-aċċettazzjoni ta’ din id-donazzjoni hija suġġett tal-proċess intern ta’ verifika tad-Dar.

Kummissjonat proċess ta’ verifika

Newsbook.com.mt hu infurmat li d-due diligence ta’ Catco Group Capital Investment kien ippreżentat lid-Dar tal-Providenza. Dan sar għal RSM Malta fuq Fisal Abdullah Alokla, iċ-Chairman u Kap Eżekuttiv (CEO) azzjonista ta’ 95% mill-ishma ta’ Catco Group Capital Investment. Ir-rapport sar qabel Alokla, li huwa persuna politikament esposta u li għandu passaport Sirjan, talab permess biex jiftaħ kont tal-bank f’Malta.

Alokla twieled f’Aleppo fis-Sirja. Huwa azzjonista jew direttur f’għadd ta’ kumpaniji fil-qasam tal-investiment, kostruzzjoni, żejt, enerġija u sport. Dawn huma bbażati fiċ-Ċina, fit-Tuneżija u f’Malta.