Id-Dar tal-Providenza tilħaq rekord ta’ €1.2 miljun

Somma rekord ta’ €1,275,442 inġabret waqt il-Festa ta’ Ġenerożità organizzata mid-Dar tal-Providenza.

Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef, qal li din il-Festa ta’ Ġenerożità bħal dejjem uriet il-qalb kbira tal-poplu Malti u Għawdxi li għal darb’oħra wera solidarjetà u ġenerożità mad-Dar.

Ta’ kull sena, fl-1 ta’ Jannar, id-Dar tal-Providenza torganizza Festa ta’ Ġenerożità fejn il-poplu Malti u Għawdxi jiġi mħeġġeġ jagħti donazzjoni ċkejkna għad-Dar tal-Providenza.

Bħal kull sena, kienu ħafna l-parroċċi f’Malta u Għawdex li organizzaw ġabriet speċjali. €29,487 inġabru mill-irkant ta’ xogħlijiet tal-arti mogħtija minn 98 artist Malti u barrani li għall-ewwel darba sar fl-intrata tal-Parlament fil-Belt Valletta. L-irkant sar fl-20 ta’ Diċembru. Biċċiet mix-xogħlijiet tal-arti li baqgħu ma ġewx irkantati nbiegħu bil-prezz oriġinali tagħhom fil-Festa ta’ Ġenerożità.

Fr Daniel Cardona, Arċipriet tal-parroċċa ta’ Ħaż-Żebbuġ, jippreżenta l-ġabra tal-parroċċa.

L-ewwel żjara saret minn Mons Arċisqof Charles J. Scicluna li wkoll iċċelebra quddiesa fil-kappella tad-Dar tal-Providenza. Huwa appella lill-Maltin u l-Għawdxin kollha biex ikomplu jirrispettaw u jiddefendu d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità waqt li jkomplu jkunu ġenerużi mar-residenti li jgħixu fid-Dar. Huwa żied ifakkar li bħalma kien iħobb jgħid San Ġorġ Preca għandna bżonn il-Mulej u m’hemm xejn aħjar kif nagħrfuh milli niskopru iżjed it-talba tal-Missierna.

Matul il-jum kien hemm żjarat mill-President Marie Louise Coleiro Preca, il-Ministru Chris Cardona f’isem il-Prim Ministru, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità Anthony Agius Decelis, l-Arċisqof Emeritu Mons Pawl Cremona O.P. u l-Isqof Awżiljarju Mons Joseph Galea-Curmi.

Martin Agius