Id-Dar tal-Providenza tagħlaq 50 sena

Id-Dar tal-Providenza, se tiftaħ iċ-ċelebrazzjonijiet tal-50 sena mit-twaqqif tagħha b’kunċert fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann il-Belt Valletta.
Il-kunċert se jsir it-Tnejn 15 ta’ Diċembru fis-7.30 ta’ filgħaxija mill-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta, bil-kollaborazzjoni ta’ RTK4Charity u l-Fondazzjoni tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.
Se jkun taħt il-patroċinju distint tal-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, u l-Isqof Charles Scicluna.
Il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta se tkun taħt id-direzzjoni tas-Surmast il-Maġġur John Ivan Borg, u se ddoqq kompożizzjoni li nkitbet ghall-okkażjoni bl-isem Ispirazzjoni Divina, b’kitba ta’ Sunny Aquilina u mużika ta’ Mro Ray Sciberras.
Se jieħdu sehem ukoll is-sopran Rosabelle Bianchi, il-Coro Bel Canto u l-kor tat-tfal mill-Kulleġġ De La Salle.
Id-Dar tal-Providenza illum għandha mal-mitt resident fi djar differenti, tmexxi tlett idjar fil-komunità u toffri wkoll servizz ta’ respite.  Biex twettaq din il-ħidma, id-Dar tal-Providenza għandha bżonn mat-€3.5 miljuni fis-sena.
Dħul għall-kunċert huwa bla ħlas. 
Biljetti jinkisbu fuq 7949 3923 jew kuncert@dartalprovidenza.org.