Id-Dar tal-Providenza ssir il-Katidral tal-Arċisqof għall-ewwel tas-sena

Illum il-kappella tad-Dar tal-Providenza saret il-Katidral tal-Arċisqof li ried jiċċelebra l-Pontifikal tal-Ewwel tas-Sena mar-residenti tad-Dar.
Monsinjur Charles Scicluna ddeskriva lid-Dar tal-Providenza bħala maqdes ta’ kult u ta’ karità.
Qal li meta wieħed iħares lejn persuna b’diżabbilità fiżika, faċli jinġibed lura iżda meta wieħed jirrifletti fil-ħniena li Alla għamel mal-bniedem, hemm il-bniedem jitgħallem iħenn veru.
“Mhux nitħassrek iżda nħenn għalik billi nħobbok,” qal l-Arċisqof.
Xi ċapċipa, għajta jew bewsa li setgħet tinstema’ waqt il- Quddiesa mir-residenti, Monsinjur Scicluna ddeskriviha bħala ġest li biha r-residenti qed jilqgħu s-sena l-ġdida. Qal li jrid iżid ma’ dawk il-ġesti, biex mar-residenti, jirringrazja lill-familji kollha li llum se jgħinu lid-Dar tal-Providenza waqt il-Festa ta’ Ġenerożità.
Id-Dar tal-Providenza, għandha tibqa’ xhieda tal-barka li nirċievu meta nħennu għal xulxin qal Monsinjur Scicluna. Talab biex il-persuni b’diżabbilità jsibu post fis-soċjetà.
“Il-kelma tal-Evanġelju f’Malta tkun isbaħ skont kemm nieħdu ħsieb lil dawk l-aktar vulnerabbli,” kompla jgħid l-Arċisqof Scicluna.
Saħaq li Marija, li llum il-Knisja tiċċelebraha bħala Omm Alla, għandha tkun mudell tal-ħniena u l-imħabba qal l-Arċisqof.
Awgura li matul din is-Sena Mqaddsa tal-Ħniena, il-bniedem jitgħallem iħobb u jħenn aktar.
Anke f’Jum il-Milied, Monsinjur Scicluna għażel li jħalli l-Katidral biex jiċċelebra l-Pontifikal fil-kappella tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Il-Festa ta’ Ġenerożità se tixxandar live fuq l-istazzjonijiet lokali u anke RTK.