Id-Dar tal-Providenza ssellem il-memorja ta’ voluntiera

Id-Dar tal-Providenza ssellem il-memorja ta’ John Paris, voluntiera li ħalliena fl-24 t’Awwissu.

Fuq Facebook, id-Dar tal-Providenza spjegat li John kien ilu voluntiera sa mis-sena 2012, flimkien ma’ martu Ġemma. Huma kienu jmorru darbtejn jew tliet darbiet fil-ġimgħa, u hu kien jgħin fis-sezzjoni tal-manutenzjoni tad-Dar.

“Kif xi ħadd jitlob l-għajnuna għal xi tiswijiet tara lil John ġej bil-kaxxa tal-għodda u b’dik it-tbissima fuq wiċċu biex jara x’hemm bżonn isir.”

Barra minn hekk, meta kien ikun hemm attività kbira jew ħarġa mar-residenti, John dejjem ikun hemm ma’ martu biex jagħti daqqa t’id. Fuq inizjattiva tagħhom, bdew jorganizzaw b’mod regolari ħarġa ta’ ġurnata għar-residenti b’mod regolari fil-post li għandhom l-iscouts fil-bajja tar-Rinella, il-Kalkara.

Id-Dar tal-Providenza spjegat li x-xogħol volontarju kien jagħmlu minn qalbu mingħajr ħafna daqq tat-trombi, u li kien parti minn tieni familja fi ħdan id-Dar. Is-sena l-oħra John u martu Ġemma kienu nominati għall-Premju Anzjanità Attiva.

Id-Dar tal-Providenza wasslet il-kondoljanzi lil Ġemma u l-familja kollha tiegħu. Id-dettalji tal-funeral jitħabbru iktar tard.