Id-Dar tal-Providenza qed tagħlaq iċ-ċirku li beda Mons. Mikiel 55 sena ilu – L-Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li fl-aħħar snin, id-Dar tal-Providenza qiegħda tagħlaq iċ-ċirku l beda Mons. Mikiel Azzopardi, il-fundatur tad-Dar, 55 sena ilu, meta beda jiġbor u jgħaqqad lill-persuni b’diżabbiltà li kienu jinħbew mis-soċjetà.

Mons. Scicluna ngħata kopja tar-Rapport ta’ Ħidma tad-Dar tal-Providenza għas-sena 2019. Ir-rapport jelenka l-ħidma mwettqa fid-diversi oqsma tad-Dar fl-impenn tagħha li tkompli toffri servizz residenzjali tal-ogħla livell lill-persuni b’diżabilità li jkollhom bżonn dan is-servizz.

Nadine Camilleri Cassano, l-Amministratriċi tad-Dar, qalet li għalkemm ir-rapport kien isir kull sena, din hija l-ewwel darba li ġie stampat bil-Malti u b’verżjoni iqsar bl-Ingliż fi ktejjeb bil-kulur.

F’diskorsu, l-Arċisqof Scicluna rrakkonta kif 55 sena ilu, Mons. Mikiel beda jfittex il-persuni b’diżabbiltà li kienu jinħbew fil-kantini u fil-kmamar ta’ ġewwa biex ma jidhrux. Ġabarhom għall-kura u l-għożża fl-oasi magħrufa bħala d-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi.

Fil-11 ta’ Frar 1997, inbeda l-proċess biex jingħalaq iċ-ċirku bil-ftuħ ta’ “Żerniq”, l-ewwel dar fil-komunità tas-Siġġiewi u tkompla bil-ftuħ ta’ “Akkwarell” fil-Qawra, “Dar Pirotta” f’Birkirkara, li nfetħet mill-Arċidjoċesi fl-2007 u għaddiet taħt ir-responsabbiltà tad-Dar fl-2014, “Shalom” fiż-Żurrieq u dar oħra fil-Balluta li waslet biex tinfetaħ ukoll. B’kollox fid-djar tad-Dar tal-Providenza jgħixu madwar 115-il persuna ta’ bejn it-tmien snin u ‘l fuq minn 80 sena.

L-Arċisqof ħa l-okkażjoni biex jirringrazzja lis-Sorijiet tal-Karità li ilhom jgħixu fid- Dar u jagħtu s-servizzi tagħhom mill-bidu nett u li issa se jtemmu l-ħidma tagħhom. Mons. Scicluna talabhom biex issa minflok missjoni ta’ servizz, jibdew jagħmlu missjoni ta’ talb għad-Dar tal-Providenza fil-komunitajiet li se jkunu.

Fi tmiem id-diskors tiegħu, Mons. Scicluna stieden lir-rappreżentanti tad-Dar li kienu preżenti biex jingħaqdu f’talba għal Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar, li din il-ġimgħa beda l-kimoterapija fis-Sir Anthony Mamo Oncology Centre għall-fejqan mill-kanċer.

L-Arċisqof Scicluna laqa’ t-talba tal-Amministrazzjoni tad-Dar tal-Providenza biex fil-55 Anniversarju tagħha li jaħbat is-Sibt, 12 ta’ Settembru li ġej, iqaddes quddiesa ta’ radd il-ħajr. Huwa ppjanat li din issir f’xandira diretta fuq it-televiżjoni u tkun marbuta ma’ programm ta’ ġbir ta’ fondi għad-Dar.