Opportunità ġdida għar-residenti tad-Dar tal-Providenza

Read in English.

Meta nisimgħu lil xi ħadd ilissen “Id-Dar tal-Providenza”, l-ewwel ħaġa li tigi f’moħħna hija li f’din id-dar jgħixu persuni b’diżabilità, u dan huwa minnu.

Iżda li forsi wieħed ma jafx hu li f’din id-dar isiru diversi attivitajiet matul il-ġurnata biex ir-residenti jkunu okkupati. Dawn l-attivitajiet jinkludu sports, krafts, mużika, arti u fosthom hemm it-Teatru.

Id-Drama għalihom hija żvog fejn apparti li qed jieħdu gost, qed ikollhom iċ-ċans li jiltaqgħu ma’ aktar nies, isiru jafu l-karattri ta’ xulxin u mhux hekk biss iżda l-iskop ewlieni li huma jħossuhom parti mis-soċjetà li qed ngħixu fiha.

Dan hu l-iskop tal-produzzjoni li qed iħejju bħalissa r-residenti tad-Dar tal-Providenza.

Il-Presepju tan-Nannu, b’kitba u direzzjoni ta’ David Muscat hija l-isem ta’ din il-produzzjoni li se tittella’ fl-Istitut Kattoliku l-Furjana nhar it-30 ta’ Novembru fis-6.30pm u l-Ħadd 1 ta’ Diċembru fl-4.30pm.

L-iskop ewlieni hu li tingħata opportunità lir-residenti tad-Dar tal-Providenza biex jidħlu aktar fil-qrib fil-qasam tat-Teatru. Dan qed isir permezz ta’ Inklużjoni bejn ir-residenti tad-dar, uħud mill-ħaddiema u anki atturi stabbiliti li joffru l-ħin tagħhom biex jagħtu seħimhom ukoll.

Fost dawn insibu lil Joe Borg, Sandro Vella, Nathaniel Attard, Amy Camilleri, Chanelle Zammit flimkien mal-kantanta Gaia Cauchi. Din id-darba din il-produzzjoni se tkun akbar minn qatt qabel.  Żdiedu l-karattri u b’kollox hemm madwar 40 attur inkluż ir-residenti fuq il-palk u madwar 15 oħra li ntużaw għall-filming.

Huwa dramm ħelu li jiżvolġi madwar familja simpatika. F’din il-familja jseħħ xi ħaġa li ħadd qatt ma stenna.

Imma x’ġara eżatt f’din id-dar?

L-Arċisqof u l-Kummmissarju tal-Pulizija x’għandhom x’jaqsmu?

Il-għala Gaia riedet tiltaqa’ mal-ħabiba tagħha ħdejn il-kappella tal-Providenza?

Għal bookings ċemplu fuq 21234829 jew mill-Booking Office tal-Istitut Kattoliku jew inkella onlajn fuq activemalta.com