Id-dar tal-Familja Mqaddsa f’Loreto ssir aktar popolari

Il-Papa Franġisku jitlob quddiem statwa tal-Madonna ta’ Loreto fis-Santwarju tad-Dar Imqaddsa fil-festa tal-Madonna Annunzjata. (Credit: CNS photo/Vatican Media via Reuters.)

Għal mijiet ta’ snin, is-Santwarju tad-Dar Imqaddsa ta’ Loreto hu fost l-aktar destinazzjonijiet popolari tad-devoti tal-Madonna fl-Italja. Issa, filwaqt li fi ftit ġimgħat oħra sejkun ċelebrat ġublew ta’ dan is-Santwarju, il-Papa ordna li l-festa tal-Madonna ta’ Loreto jingħata aktar importanza fil-Kalendarju Liturġiku tal-Knisja u dan se jżid il-popolaità ta’ dan is-santwarju.

Skont il-ġurnalista Diletta D’Agostini, li taħdem fil-qasam tal-komunikazzjoni tas-santwarju, minħabba r-relikwi storiċi li hemm fil-post, dan “jippreserva u jħares” il-ħitan ta’ dak li hu maħsub li kienet id-dar fejn għexet u kibret il-Verġni Marija.

Loreto, li tinsab madwar 150 mil fit-Tramuntana ta’ Ruma hemm fiha dik li t-tradizzjoni trid li hi d-dar fejn twieldet il-Madonna u fejn kien żarha l-Arkanġlu Gabriel u fejn eventwalment hi kkonċepiet lil Ġesù bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu u fejn għexet il-Familja Mqaddsa.

Jingħad li d-Dar Qaddisa ta’ Loreto, magħmula minn tliet ħitan inġarret mill-Anġli min Nazareth sa Loreto fil-lejl ta’ bejn id-9 u l-10 ta’ Diċembru 1294, għamlet tliet snin fil-Croatia u mbagħad ittieħdet fl-Italja.

Il-familja Angeli u l-Anġli

Il-gwardjani tat-tempju jsostnu li l-ġebel tad-dar mill-Art Imqaddsa ntbagħtu b’vapur fl-Italja minn membru tal-familja famuża Taljana, Angeli, li tfisser anġli u minn hawn ħarġet il-leġġenda popolari li nġarret mill-anġli.

B’mod regolari fis-santwarju jsiru attivitajiet għaż-żgħażagħ, familji u morda.  Ħdejha hemm ukoll lukanda għat-turisti pellegrini u hemm ukoll ċentru tal-konferenzi fejn isiru laqgħat kbar u anke xi rtiri.

Loreto għandu wkoll tifsira speċjali għall-Isqfijiet ta’ Ruma. F’Ottubru 1962, il-Papa San Ġwanni XXIII kien l-ewwel Papa li ħareġ minn Ruma minn meta l-Papiet kienu ddikjaraw lilhom infushom “Priġunieri tal-Vatikan” wara li fl-1870, fl-unifikazzjoni tal-Italja kienu tilfu dawk magħrufa bħala “l-istati tal-Papa”.

Fil-vjaġġ li kien għamel f’Loreta, Ġwanni XXIII talab lill-Madonna biex tinterċedi f’isem il-Konċilju Vatikan II, eżatt qabel ma kien inawgurat.  San Ġwanni Pawlu II imbagħad żar dan is-santwarju ħames darbiet u l-Papa Benedittu XVI żaru darbtejn.

Ġublew Straordinarju

Il-Papa Franġisku żar Loreto f’Marzu li għadda u kien ħabbar li se jagħti Ġublew Straordinarju lis-Santwarju tad-Dar Imqaddsa fl-okkażjoni taċ-ċentinarju mill-proklamazzjoni tal-Madonna ta’ Loreto bħala patruna tal-avjazzjoni u l-ivjaġġar bl-ajru.

Dan il-Ġublew se jibda fit-8 ta’ Diċembru, Festa tal-Immakulata Kunċizzjoni u jintemm fl-10 ta’ Diċembru tall-2020, festa tal-Madonna ta’ Loreto.

Is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Pietro Parolin se jinawgura l-Ġublew bil-ftuħ tal-Bieb Imqaddes tas-Santwarju ta’ Loreto. Skont it-tradizzjoni, kull pellegrin li jjgħaddi mill-Bieb jirbaħ indulġenza plenarja – it-tnaqqis tal-piena għal dnubietu.

Il-Papa Franġisku, fil-31 ta’ Otturbu li għadda kompla għolla l-profil ta’ Loreto b’digriet li ħareġ fejn daħħal l-10 ta’ Diċembru, festa tal-Madonna ta’ Loreto, għandha tidħol fil-Kalendarji Liturġiċi biex  il-Quddies u l-Liturġija tas-Siegħat jsiru ad unur tal-Madonna ta’ Loreto.

Fid-digriet li ħareġ f’jum il-festa tal-Madonna tar-Rużarju intqal li l-inklużjoni tal-festa tal-Madonna ta’ Loreto fil-kalendarju liturġiku tal-Knisja Kattolika għandu “jgħin lin-nies, speċjalment lill-familji, żgħażagħ u reliġjużi, biex jimitaw il-virtujiet tad-dixxiplu perfett tal-Evanġelju, il-Verġni Marija li meta kkonċepiet lill-kap tal-Knisja aċċettat lilna lkoll bħala uliedha”.