Aġġornata: Id-dar tal-anzjani mhix se tinbena f’Wied Għomor

Il-Moviment Take the PA to Court ħabbar li Wied Għomor mhux se jinbena hekk kif l-applikazzjoni sabiex tinbena dar tal-anzjani fil-barriera f’dan il-wied ma ntlaqetx.
Fl-istqarrija, il-moviment spjega li l-iżvilupp kien se jaqsam il-wied fi tnejn u għaldaqstant jgħid li kien qed jhedded il-bijodiversità tal-pajjiż.
Il-moviment wiegħed li se jkompli jsegwi każijiet oħra li qed jitolbu għall-iżvilupp ta’ Malta u saħansitra jheddu li se javviċinaw lill-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea jekk jaraw li l-Unjoni Ewropea qed tikser id-direttivi tagħha.
X’kien jgħid il-proġett?
Id-dar tal-anzjani li kienet se tinbena f’din il-barriera kien se jkollha spazju għal 133 sodda, iżda magħha kienet se tinkludi wkoll ristorant u gym li ma kienux se jintużaw esklussivament għad-dar.
Lura fl-2016, il-membri tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar kienu vvutaw, b’mod unanimu, kontra l-istess applikazzjoni. Dak iż-żmien, il-Bord tal-awtorità qal li l-proġett fil-wied imur kontra għadd ta’ objettivi u anke kontra l-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp (SPED).
Għaldaqstant, l-iżviluppaturi kienu appellaw kontra din id-deċiżjoni u talbu li tiġi reveduta.
“Nittamaw li naraw bidla fil-pożizzjoni tal-Gvern dwar l-iżvilupp” – PD
Filwaqt li l-Partit Demokratiku laqgħa d-deċiżjoni tal-PA, qal li jittama li din isservi bħala bidla fil-pożizzjoni tal-Gvern fejn jidħol l-iżvilupp tal-pajjiż.
Fl-istqarrija, id-Deputat Kap tal-PD, reġa’ għamel għajta għall-iżvilupp ta’ Masterplan Nazzjonali maħdum minn koalizzjoni kbira favur l-ambjent.
"Il-Gvern irid jipproteġi il-widien madwar il-gżejjer Maltin" – FAA
L-għaqda Flimkien għall-Ambjet Aħjar (FAA), filwaqt li laqgħet id-deċiżjoni tal-PA dwar Wied Għomor, ħeġġet lill-Gvern sabiex jipproteġi kemm lil Wied Għomor, kif ukoll widien oħra li qed jiġu mhedda mill-iżvilupp urban billi jagħtihom protezzjoni massima.
"Se nkomplu l-proċess biex Wied Għomor jingħata l-protezzjoni" – Ministru Herrera
Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Josè Herrera, tenna li se jitkompla l-proċess sabiex Wied Għomor jingħata l-protezzjoni mistħoqqha skont l-Att dwar id-Dominju Pubbliku. Dan filwaqt li nnota d-deċiżjoni tat-Tribunal tar-Reviżjoni tal-Ippjanar.
Aktar reazzjonijiet…
Is-Sindku tas-Swieqi, Noel Muscat, laqa’ bi ħġaru d-deċiżjoni tat-Tribunal. Huwa qal li rebaħ is-sens kommun u n-natura se tkun preservata.
Diversi kunsilli lokali u għaqdiet ambjentali ħadmu sabiex Wied Għomor ma jiġix żviluppat.
Il-Viċi Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann, Marica Bayliss irringrazzajt lil dawk kollha li kienu nvolut fl-isforz biex jiġi salvat il-wied.
Id-deputata Nazzjonalista Marthese Portelli wkoll ferħet bl-aħbar u sostniet li ġibdet l-attenzjoni tat-tribunal li kien hemm seba' politiki li kienu qed jiġu miksura f’dan l-żvilupp.
Ritratt: Ian Noel Pace