Id-Dar ta’ Trionfi f’Għawdex se tinbidel f’ċentru ta’ karità

Read in English.

Id-dar ta’ Trionfi fir-Rabat, Għawdex se tinbidel f’ċentru djoċesan għall-karità. Ħabbar dan l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech fl-Ittra Pastorali li nqrat f’Santa Marija u tkellem dwarha f’intervista ma’ Fr Joe Borg fuq ir-radju 103.

L-Isqof Grech qal li jixtieq li dik li hi l-Caritas, bil-ħidma tad-djakonija tiġi ristrutturata biex il-Knsija taħseb għal min m’għandux qmis u ħalib. Huwa fisser kif id-dar li kienet tas-sorijiet Dumnikani issir monument tad-djakonija. Fl-intervista huwa qal li s-sorijiet Agostinjani ħallew din il-propjetà, li kienet tintuża bħala sptar privat żgħir, lid-Djoċesi ta’ Għawdex u għalhekk bħala Isqof ħass il-bżonn li tiġi ristrutturata biex toffri diversi servizzi lil min hu fil-bżonn.

“Ħassejt li din issir monument tad-djakonija”

Fost is-servizzi li huma ppjanati li jiġu offruti f’din id-dar l-Isqof semma s-servizz ta’ social worker, psikologi, servizzi legali u tabib. Tenna li l-użu ta’ din id-dar huwa varjat u bħalissa l-periti qed jagħmlu l-istudji tagħhom, biex din id-dar issir Dar tal-Karità.

L-Isqof tkellem ukoll dwar il-possibiltà ta’ formazzjoni għax qal li ċertu nies huma fil-faqar mhux biss għax m’għandhomx il-mezzi, imma għax ma jafux jaffrontaw sitwazzjoni u ma jafux jamministraw tajjeb. Qal li jittama li bl-għajnuna ta’ diversi esperti fl-oqsma diversi, dan ikun servizz li jgħin lis-soċjetà.

Ċelebrazzjonijiet pompużi u straordinarji

L-Isqof Grech tkellem ukoll dwar il-festi li jsiru f’Għawdex. Qal li l-festi fihom l-aspett sabiħ, imma għandhom ukoll l-aspett negattiv. Saħaq li jekk ma nieħdux ħsieb kif insaħħuhom billi nedukaw lilna nfusna kif niċċelebrawhom, jistgħu ikunu mażra li tkompli tidfen ir-reliġjon nisranija.

“L-Evanġelju jġibilna l-ferħ”

L-Isqof Grech qal li fil-Knsija “aktar insistejna fuq in-negattiv, il-projbizzjonijiet u żidnihom milli hemm fit-tagħlim tal-Knisja”. Qal li l-Evanġelju jġib il-ferħ u spjega li l-ferħ hu meta l-bniedem jidħol f’relazzjoni ma’ Ġesù.

“Il-Kristjaneżmu mhux tagħmilx hekk u tagħmilx hekk, imma għamel hekk u agħmel hekk.”

Fisser ukoll kif il-ferħ ma jiddependix “minn kemm nippossedu” imma kemm jirnexxielna nibnu relazzjoni sinifikattiva mal-bnedmin. Qal li l-ferħ veru hu meta niltaqgħu ma’ dik il-persuna li tħobbna u li taċċettana, aħna kif aħna. Saħaq li f’din ir-relazzjoni ma jkunx hemm aspettattivi li ma jistgħux jintlaħqu. Hawn temm jgħid li jekk fuq livell uman dan diġà qed jagħtina faraġ, għandu jkun hemm aktar tama fuq livell spiritwali.

“Jeħtieġ pass ‘il quddiem, ‘il bogħod mir-riti”

L-Isqof Mario Grech qal li rridu nagħmlu pass ‘il quddiem fit-twemmin tagħna. Fisser kif ir-reliġjon mhux kemm nagħmlu riti bla sens imma hi relazzjoni ma’ Ġesù Kristu.

L-Isqof sostna li l-missjoni tal-Knisja hi li tagħmel lill-bniedem ferħan. Qal li jinkwetah min jgħid li li hu “fulfilled”, għaliex dejjem jonqos xi ħaġa.

Spjega li l-ewwel premessa għandha tkun li aħna ma nistennewx li ħaddieħor ikun perfett u li lanqas aħna m’aħna perfetti. Fisser ukoll li jekk ikun hemm id-dgħufija u affarijiet li ma jkunux perfetti, m’għandhomx jiskoraġġuna jew li neskludu lil ħaddieħor. Qal li f’każijiet bħal dan l-Evanġelju jista’ jkun ġebla li biha nferu lil ħaddieħor.