Id-dar post ta’ periklu f’każi ta’ vjolenza domestika – Kummissarju Vjolenza Domestika

Il-Kummissarju dwar il-Vjolenza  Domestika Joe Gerada qal li l-vjolenza domestika tirrendi d-dar post ta’ periklu flok l-aktar post li wieħed fih isib is-sigurtà.
Gerada qal dan waqt konferenza dwar il-vjolenza domestika organizzata mill-Ministeru għal Għawdex. Gerada qal li japprezza l-impen sħiħ tal-ħaddiema soċjali, tal-pulizija, tal-għalliema, u tas-saċerdoti f’dan il-qasam. Huwa rrefera għal dak li qal Nelson Mandela li kien qal li “Mhux biss li nkun għixt, iżda li nagħmel differenza”. Il-Kummissarju inkoraġġixxa lil dawk preżenti biex jieħdu azzjoni konkreta kontra kull forma ta’ abbuż.
Waqt l-istess konferenza, l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech saħaq li d-dar għandha tkun post fejn kulħadd iħossu maħbub mill-familjari, u li kemm il-vittma kif ukoll il-perpetraturi għandhom jingħataw għajnuna psiko-soċjali biex ikunu jistgħu jgħixu aħjar. 
Waqt l-indirizz tagħha, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana fakkret li Malta kienet waħda mill-ewwel pajjiżi li rratifikat il-Konvenzjoni ta’ Istanbul. Qalet li Malta għandha liġijiet li issa saru b’saħħithom biex jipproteġu lill-vittmi tal-abbuż. Hija saħqet ukoll li l-Gvern qed jinvesti f’diversi servizzi kif ukoll f’taħriġ għall-professjonisti u għal diversi persuni oħrajn li huma frontliners fejn jidħlu dawn il-każijiet.
Caruana stqarret li “tibqa’ dejjem id-diffikultà tal-infurzar fejn il-problema ewlenija tkun il-biża’ u l-inċertezza tal-vittma u għalhekk irridu naħdmu ħafna iktar biex noffru sens ta’ sigurtà lill-vittmi.”
Fi kliem il-Ministru, hemm ħafna vjolenza fost it-tfal, mhux biss bħala vittmi imma issa wkoll bħala perpetraturi. Kompliet tgħid li l-kaġun ta’ din ir-rabja fost it-tfal trid tinstab biex isir intervent kmieni.