Id-Dar Komuni tal-Amazonia: post ta’ talb u djalogu

Id=Dar Komuni tal-Amazonia fejn wieħed jista' jara kif jgħixu n-nies f'dan ir-reġjun tad-dinja

Matul il-jiem li se jkun għaddej is-Sinodu fil-Vatikan, fit-triq ta’ faċċata tal-Bażilika ta’ San Pietru “Triq il-Konċiljazzjoni” se jkunu organizzati serje ta’ avvenimenti marbuta  mat-tema ta’ din il-laqgħa ta’ Isqfijiet.

Din l-inizjattiva hi frott tal-Assemblea tal-Isqfijiet tal-Amerika Latina li saret fil-Brażil ftit ilu u qed issir fil-Knisja ta’ Santa Maria fi Traspontina li tinsab fl-imsemmija triq u swali oħra fiol-viċin.

Il-post hu maħsub biex iservi għat-talb, djalogu, riflessjoni u laqgħat u tpoġġa għad-dispożizzjoni ta’ dawk kollha li jridu jafu u jirriflettu aktar fuq it-temi li qed ikunu diskussi fis-Sinodu u għal dawk li jixtiequ jippreżentaw u jagħmlu magħrufa ir-realtajiet tal-Amazonia u l-popli indiġeni li jgħixu f’dawn il-foresti.

L-organizzaturi ta’ din l-inizjattiva qalu li l-post hu riservat għal laqgħat, tnedija ta’ kotba u għal dawk li permezz ta’ xi esibizzjoni fotografika jixtiequ juru aspetti speċifiċi tal-ħajja u r-realtà tal-Amazonia u għal dawk li jixtiequ jitolbu, jiltaqgħu u jsiru jafu aktar dwar l-ispiritwalità tal-popli indiġeni li jgħixu fl-Amazonia.

Biex jikkoordina l-attivitajiet  li jsiru fid-Dar Komui tal-Amazonia, twaqqaf Segretarjat żgħir biex jara li l-attivtajiet ikunu organizzati bl-ordni u li jkunu aċċessibbli wkoll fuq sit elettroniku apposta fuq l-internet.

Fil-fatt f’dawn il-jiem diġà kienu organizzati xi attivitajiet b’suċċess f’dan il-post.

Nhar it-Tnejn li għadda saret konferenza bit-tema: “Il-Ħajja tan-Nisa fl-Amazonia – Rispett u Ġustizzja” li kienet organizzata mill-organiżazzjoni internazzjonali “Talitha Kum” li taħdem ħafna fil-qasam tat-traffikar uman b’kollaborazzjoni mal-Università ‘La Sapienza” ta’ Ruma.

Il-bieraħ, l-Erbgħa il-Kunsill tal-Missjunarji Indiġeni organizza video forum dwar: “L-impatt ta’ proġetti kbar fuq il-Ħajja tan-Nies”, filwaqt li bejn il-21 u l-25 ta’ dan ix-xahar se tittella esibizzjoni fotografika bit-titlu: “Dwal u Dellijiet tal-Amazonia tal-Colombia” fuq inizjattiva tal-Konferenza Episkopali u l-Caritas tal-Colombia.

Sadattant l-organizzaturi qed jistiednu persuni u organiżazzjonijiet interessati li jagħmlu użu min dawn il-faċilitajiet biex jieħdu ħsieb jirriservaw il-post biex ma jkunx hemm diffikultajiet minħabba xi attivitajiet oħra.