​Id-dar ġdida tal-anzjani se tkun l-ewwel waħda tal-Gvern f’Għawdex għall-miżżewġin

Id-dar ġdida li l-Gvern se jkun qed jibni għall-anzjani f’Għajnsielem se tkun l-ewwel waħda mmexxija mill-Gvern li tippermetti lil koppji anzjani Għawdxin jibqgħu jgħixu flimkien.
Id-djar residenzjali għall-anzjani f’Għawdex mhumhiex biżżejjed, minħabba l-popolazzjoni dejjem tikber fl-età u minħabba li d-djar eżistenti, immexxija minn reliġjużi jew għaqdiet, huma ftit u żgħar. Għalhekk ma jlaħħqux mad-domanda li hemm.
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo qal li dawk inqas ixxurtjati jintbagħtu fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex fejn madankollu rġiel u nisa miżżewġin jinfirdu minn xulxin.
Hu u jżur dik li kienet ‘Dar San Ġużepp’ f’Għajnsielem, li partijiet minnha se jitwaqqgħu biex jinbena proġett ambizzjuż ta’ dar b’70 kamra doppja, il-Ministru għal Għawdex fakkar li dan se jkun possibbli wara ftehim milħuq mal-Isqof t’Għawdex Mario Grech li hu konxju tal-ħtieġa ta’ dar deċenti għall-anzjani Għawdxin.
Il-bini  l-antik se jiġi integrat ma’ dak ġdid filwaqt li l-bini storiku se jiġi rrestawrat.
Id-dar il-ġdida se tkun bi kmamar b’żewġ sodod, ilkoll b’faċilitajiet ensuite, magni tal-kafé u gallariji li jagħtu għal fuq ġonna jew il-veduti mill-isbaħ tal-baħar.
Il-faċilità se tkun aċċessibli għal min juża siġġu tar-roti. Se tinkludi klinika għat-tabib, sala tal-pranzu, kappella, uffiċini, kamra għall-hairdresser, librerija, żona għall-artiġjanat u żona għall-amministrazzjoni.
Anton Refalo qal li l-proġett se joħloq residenza state-of-the-art għall-anzjani u opportunitajiet ġodda ta’ xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin. 
Ritratt: Ministeru għal Għawdex – George Scerri