Id-dar fejn twieled il-Papa Ġwanni Pawlu I tinfetaħ għall-viżitaturi

Id-dar fejn twieled u trabba l-Papa Albino Luciani miftuħa għall-pubbliku

Id-dar fejn twieled u trabba Albino Luciana li eventwalment sar il-Papa Ġwanni Pawlu I, se tinfetaħ għall-pubbliku nhar il-Ġimgħa li ġej fil-5.00 p.m.

Il-villaġġ fejn twieled u trabba Albino Luciani li jinsab fil-muntanji Dolomiti f’livell ta’ kwaċi elf metru ‘l fuq mil-livell tal-baħar, hu magħruf bħa;a Canale d’Agordo. Fl-imgħoddi kien iċ-ċentru ekonomiku ta’ żona li fiha kien hemm ħafna attivita’ kummerċjali u ndustrjali.  Illum, kull sena, ħafna nies imorru biex jaraw fejn twieled “Il-Papa tat-Tbissima” kif inhu magħruf il-Papa Luciani.

Post ta’ interess

Stqarrija rappurtata minn Vatican News tgħid li din id-dar saret proprjetà tad-djoċesi wara kuntratt li kien iffirmat f’Ġunju li għadda iżda s’issa ma kinitx inawgurata uffiċjalment. L-Isqof Corrado Pizziolo ta’ Vittorio Veneto wiegħed li se jsir minn kollox biex il-viżitaturi jkunu jistgħu jidħlu u jaslu sal-ewwel sular tad-dar fejn twieled u tgħammed Albino Luciani.  Dan issa se jibda jsir mill-bidu ta’ Awwissu. Qal li dan hu post ta’ interess konsiderevoli.

F’dawn l-aħħar ġimgħat l-awtoritajiet lokali bagħtu ġardinara biex isebbħu l-inħawi u t-triq li twassal għal din id-dar.

Il-Fondazzjoni Papa Luciani offriet li tipprovdi gwidi biex jakkumpanjaw lit-turisti u l-pellegrini li jżuru d-dar bħala parti minn tour li tinkludi wkoll il-Mużew Albino Luciani u l-knisja parrokkjali.

Lejla dedikata lil Ġwanni Pawlu I

Il-ftuħ tad-dar nhar il-Ġimgħa hu wieħed mid-diversi avvenimenti li se jkunu organizzati b’dedika lill-Papa Ġwanni Pawlu I.

Aktar kmieni wara nofsinhar, dakinhar stess, il-Kardinal Beniamino Stella li hu l-Postulatur għall-kawża tal-Kanoniżazzjoni tal-Papa Ġwanni Pawlu I, se jniedi ktieb miktub minn Stefania Falesca, id-Deputat Postulatur, flimkien ma’ Davide Fiocco u l-istoriku Mauro Velati.

Il-ktieb hu l-ewwel biografija kompleta ta’ Albino Luciani u hu miktub b’mod kritiku u storiku bażat fuq sorsi minn arkivji, bibljografiji u x-xhieda ta’ 188 persuna fosthom dik tal-Papa Emeritus Benedittu XVI, it-Tabib Renato Buzzonetti li kien iċċertifika mejjet lill-Papa u Sr. Margherita Marin, is-soru li kienet taħdem fl-appartament papali fi żmien Ġwanni Pawlu I.

Wara l-ftuħ uffiċjali tad-Dar se ssir konferenza li titmexxa mid-Direttur tal-Fundazzjoni Papa Luciani u li se tiddiskut ktieb ieħor din id-darba miktub minn Antonio Preziosi, intitolat “Giovanni Paolo I, – Indimenticabile”.