Id-Danimarka tordna l-piena tal-mewt lil 17-il miljun mink minħabba l-COVID-19

Cute & wet little mink posing

L-awtoritajiet fid-Danimarka ħabbru li se jkunu qed jintroduċu lockdown f’diversi żoni fil-pajjiż wara li nstabet mutazzjoni tal-coronavirus fil-mink, li tista’ tittieħed mill-bnedmin. Wara din is-sejba, id-Danimarka ħabbret ukoll li se tkun qed toqtol mas-17-il miljun mink minħabba dan.

Siti internazzjoni qed jirrappurtaw kif il-bars, ir-ristoranti, it-trasport pubbliku u l-faċilitajiet sportivi interni se jingħalqu f’seba’ muniċipalitajiet ta’ North Jutland. Ir-restrizzjonijiet se jidħlu fis-seħħ minn għada u għandhom jibqgħu fis-seħħ sat-3 ta’ Diċembru.

Id-Danimarka hija magħrufa bħala l-ikbar fornitur ta’ pil tal-mink fid-dinja bl-esportazzjoni tal-prodott, fil-maġġorparti tagħha, tmur lejn iċ-Ċina u Hong Kong.

Il-qtil ta’ dawn l-annimali beda lejn tmiem ix-xahar li għadda, wara li nstabu ħafna każijiet tal-coronavirus fl-annimali.

Il-Ħamis, l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet li l-mink jidher li qed iservi bħala riżerva tajba għall-coronavirus. Il-WHO faħħret ukoll “id-determinazzjoni u l-kuraġġ” tad-Danimarka fid-deċiżjoni li teqred dawn l-annimali minkejja l-impatt ekonomiku li deċiżjoni bħal din se ġġib magħha fuq il-pajjiż.

Każi simili ta’ coronavirus fil-mink instabu wkoll fl-Olanda u Spanja. Iżda l-firxa fid-Danimarka hija waħda allarmanti. Dan hekk kif ġew affettwati s’issa total ta’ 207 rziezet tal-mink f’Jutland. Dawn wasslu biex jimirdu 12-il persun s’issa.

Ir-regoli ġodda fid-Danimarka qed jipprojbixxu lill-pubbliku milli jiltaqa’ fi gruppi ta’ 10 persuni jew aktar. Persuni li jgħixu fil-lokal qed ikunu nkoraġġuti biex jagħmlu test għall-coronavirus.

Skont il-Prim Ministru Mette Frederiksen, il-mutazzjoni tal-virus jidher li qed iddgħajjef l-abbiltà tal-ġisem milli jiżviluppa antikorpi li jiġġieldu kontra l-virus. Dawn jistgħu potenzjalment iwasslu biex il-vaċċini li bħalissa qed jiġu żviluppati ma jkunux effettivi.

Mill-bidu tal-pandemija, id-Danimarka rrappurtat 52,265 każ tal-coronavirus u 733 persuna tilfu ħajjithom fil-pajjiż.