Id-Danimarka tivvota għal liġi dwar l-assi ta’ immigranti

Il-Parlament Daniż se jivvota llum dwar il-proposta kontroversjali biex oġġetti ta’ valur ta’ dawk li jkunu qed ifittxu l-ażil, jiġu kkonfiskati biex iħallsu għaż-żamma tagħhom fil-pajjiż.
Il-proposta ntlaqgħet bi kritika qawwija meta tħabbret iktar kmieni dan ix-xahar imma l-Gvern Daniż qed jinsisti li din tpoġġi lil immigranti fuq l-istess livell ta’ ċittadini Daniżi mingħajr impjieg, li biex jirċievu benefiċċji soċjali jridu jbiegħu assi jekk jaqbżu ċertu limitu.
Il-proposta tal-Gvern jidher li għandha l-appoġġ minn diversi nħawi tal-Parlament u għalhekk aktarx tgħaddi.
Id-Danimarka llum ukoll se tivvota biex tipposponi li familji ta’ refuġjati u immigranti jingħaqdu, bil-għan li tiskoraġixxi lil qraba ta’ barranin fil-pajjiż milli jivvjaġġaw lejn id-Danimarka.
Il-pajjiż mistenni jirċievi mal-20,000 immigrant din is-sena, wara l-15,000 tas-sena li għaddiet.