Id-Danimarka tipprojbixxi l-ilbies ta’ veli fuq il-wiċċ

Id-Danimarka se tkun qed tipprojbixxi l-ilbies ta’ veli li jgħattu l-wiċċ.
B’hekk id-Danimarka se tkun qed tingħaqad ma’ pajjiżi oħra Ewropej bħal Franza biex tara li l-ilbies tal-burqa u n-niqab li jilbsu xi nisa Musulmani jkun kontra l-liġi. Xi politiċi qalu li dan huwa pass favur is-sekulariżmu u valuri demokratiċi.
Skont ir-Reuters, il-Parlament Daniż ivvota għal din il-projbizzjoni li kienet proposta mill-Gvern tal-lemin ċentrali li qal li l-veli jmorru kontra l-valuri tad-Danimarka. Dawk li huma kontra l-liġi l-ġdida li se tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu jgħidu li tmur kontra d-dritt tan-nisa li jilbsu li jridu.
Il-pulizija se jkunu jistgħu jordnaw lin-nisa jneħħu l-velu jew inkella jordnawhom biex jitilqu minn żoni pubbliċi. Il-Ministru għall-Ġustizzja qal li fil-prattika, il-pulizija se jkunu qed jagħtuhom multa u jgħidulhom biex imorru d-dar.
Ritratt: Reuters