Id-Danimarka tibda tiftaħ il-fruntieri biex tlaqqa’ koppji mifrudin

FILE PHOTO: REUTERS/Jacob Gronholt-Pedersen/File Photo

Id-Danimarka ħabbret tnaqqis fir-restrizzjonijiet ma’ pajjiżi Nordiċi oħra u mal-Ġermanja, hekk kif ippermettiet lill-koppji minn pajjiżi ġirien li spiċċaw mifrudin minħabba l-coronavirus jerġgħu jiltaqgħu. Biex jagħmlu dan, huma jrid ikollhom provi li kienu ilhom f’relazzjoni għal dawn l-aħħar sitt xhur.

F’kummenti fuq l-istazzjon lokali TV2, il-Ministru tal-Ġustizzja Nick Haekkerup qal li “jekk tgħid li tinsab f’relazzjoni u tiktibha bil-miktub, biżżejjed”.

Oriġinarjament, il-pulizija Daniża sostniet li se jkun hemm bżonn ta’ ftit aktar informazzjoni minn hekk. Filfatt, għalissa, il-koppji se jintalbu juru messaġġi ta’ bejniethom, ritratti privati jew informazzjoni privata dwar is-sieħeb jew sieħba tagħhom. Iżda dan wassal għal kritika kbira minn diversi membri parlamentari dwar il-privatezza, li wasslet biex il-Gvern ikollu jgħaġġel u jerġa’ jibdel ir-rekwiżiti.

“Jistgħu jġibu magħhom ittra ta’ mħabba jew ritratt”, qal l-Assistent Kummissarju Allan Dalager Clausen lix-xandar Daniż DR. “Napprezza li dawn huma affarijiet intimi ħafna, iżda d-deċiżjoni ta’ jekk persuna titħalliex tgħaddi jew le tippedenti fuq il-ġudizzju tal-uffiċjal tal-pulizija.

Filwaqt li din hija aħbar tajba għal koppji li spiċċaw mifrudin, din is-sitwazzjoni titfa’ d-dawl fuq problemi li se jiltaqgħu magħhom l-awtoritajiet f’pajjiżi oħra hekk kif jerġgħu jiftħu l-fruntieri. 

Id-Danimarka kienet għalqet il-fruntieri tagħha fl-14 ta’ Marzu. Xeni kommoventi ta’ kuljum kienu jidhru fil-fruntiera hekk kif koppji anzjani kienu jixorbu l-kafe’ flimkien fuq kull naħa tal-fruntiera u jżommu idejn xulxin minn fuq il-barriers biex jibqgħu f’kuntatt ma’ xulxin.

Iżda l-kritika fuq id-deċiżjoni fuq il-linji gwida l-ġodda kienet qawwija, b’bosta kummenti fuq il-pjattaformi soċjali jiddeskrivu dan bħala ksur tad-dritt għall-privatezza. “Qatt ma smajt b’pajjiż li jitlob prova ta’ konverżazzjonijiet intimi jew ritratti tas-sieħeb jew tas-sieħba. Fl-aħħar ħallejna l-koppji jkunu flimkien iżda ma jidhirlix li neħħejjna d-dritt tal-privatezza”, sostna Kristian Hegaard, tal-Partit Soċjo-Liberali fuq Twitter.

Fost ir-rilassament tal-miżuri fuq l-ivvjaġġar, il-Gvern Daniż se jippermetti wkoll lin-nanniet ta’ ċittadini Daniżi kif ukoll dawk li għandhom proprjetà li jużaw fis-Sajf biex jidħlu fil-pajjiż.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn