Id-Danimarka se tibda tikkonfiska l-oġġetti ta’ valur tal-immigranti

Il-Parlament Daniż approva liġi li biha l-awtoritajiet jistgħu jikkonfiskaw oġġetti ta’ valur tal-immigranti biex bihom jitħallsu l-ispejjeż tal-manteniment.
Il-Pulizija se jkunu jistgħu jiġbru oġġetti ta’ valur li jkunu jiswew iżjed minn €1,340 biex bihom jitħallsu servizzi offruti lill-immigranti bħalma huma l-ikel, ix-xorb u l-housing.
Bosta għaqdiet favur id-drittijiet tal-bniedem kienu kontra din il-liġi u ikkritikawha bl-aħrax.
Huma qalu li din il-liġi hija simili għal dik li kien hemm matul it-Tieni Gwerra Dinjija meta kienu jiġu kkonfiskati l-oġġetti ta’ valur tal-Lhud.
Il-Parlament Daniż approva wkoll li jiżdied iż-żmien meta jkunu jistgħu jerġgħu jingħaqdu l-membri ta’ familja li tkun qed titlob l-ażil.
Il-Gvern Daniż qal li oġġetti ta’ valur sentimentali bħalma huwa ċ-ċurkett taż-żwieġ huma eżentati minn din il-liġi.