Id-Danimarka, is-Slovakkja u l-Iżlanda fuq il-lista tal-kwarantina Ingliża

Ir-Renju Unit jirreġistra l-ogħla għadd ta’ każijiet ta’ COVID-19 kuljum

FILE PHOTO: UK Border control is seen in Terminal 2 at Heathrow Airport in London June 4, 2014. REUTERS/Neil Hall

L-Ingilterra se żżid lid-Danimarka, is-Slovakkja u l-Iżlanda mal-lista tal-kwarantina, jiġifieri passiġġieri li jaslu minn dawn il-pajjiżi jkollhom jiżolaw ruħhom għal 14-il jum.

Ir-regoli l-ġodda se japplikaw għal dawk li jaslu fil-pajjiż wara 03:00 GMT nhar is-Sibt, skont dikjarazzjoni fuq Twitter tal-ministru għat-trasport, Grant Shapps. 

L-Ingilterra rreġistrat l-ogħla numru ta’ każijiet ta’ kuljum ta’ COVID-19 nhar il-Ħamis, li laħaq l-għadd ta’ 6,634, skont data tal-gvern, fatt li jirrifletti t-tieni mewġa ta’ infezzjonijiet li qed tolqot il-pajjiż, imma wkoll livell ogħla ta’ ttestjat minn dak li sar matul l-ewwel mewġa.

L-għadd ta’ nhar il-Ħamis tela’ minn 6,178 nhar l-Erbgħa, filwaqt li din iċ-ċifra kienet ta’ 4,926 il-ġurnata ta’ qabel.

Aktar kmieni, is-Segretarju għas-Saħħa Matt Hancock qal li l-gvern qed iqis li ftit anqas minn 10,000 persuna kienu qed jiġu infettati kuljum, kontra l-ammont stmat ta’ aktar minn 100,000 persuna matul l-agħar fażi tal-ewwel mewġa.

“(Fil-quċċata), minn stħarriġ inqisu li aktar minn 100,000 persuna kuljum kienu qed jimirdu bil-virus, imma sibna biss madwar 6,000 minn dawn, u dawn irriżultaw pożittivi,” qal matul intervista ma’ Sky News.

“Issa nqisu li din ir-rata niżlet għal anqas minn 10,000 persuna kuljum li qed jimirdu. Din hija rata għolja, imma hija ħafna aktar baxxa minn dik li kellna fil-quċċata tal-pandemija.”

Filwaqt li l-kapaċità tal-ittestjar żdiedet b’mod drammatiku mill-ewwel mewġa, madankollu s-sistema tinsab taħt pressjoni, b’diversi persuni jirrapportaw li ma setgħux ikunu ttestjati, jew li kellhom jivvjaġġaw distanzi twal. Dewmien biex joħorġu r-riżultati wkoll wasal għal kritika tas-sistema.

Kelliem għas-Saħħa Pubblika fl-Ingilterra qal li kien hemm 40 mewta ġdida, żieda fuq is-37 rreġistrati l-jum ta’ qabel. Fil-quċċata tal-pandemija, ir-Renju Unit kien jirrapporta aktar minn 1,000 mewta kuljum.

Ir-Renju Unit għandu l-ogħla rata ta’ mwiet minn COVID-19 fl-Ewropa, fejn tilfu ħajjithom 41,902 persuna.